Wednesday, April 24, 2024

IL-PAĊI U L-PAPA

Aqra wkoll

Il-kelma paċi saret kelma ħażina fl-UE.  Bħal ma diġa’ ktibt kemm-il darba, din il-kelma qatt ma kienet popolari fl-Ewropa – xi ħaġa loġika għalihom.  Ir-raġuni hi li l-UE u ħafna mill-pajjiżi Ewropej dejjem emmnu fil-kelma poter.  Dan rajnieh fis-sekli ta’ qabel meta d-dinja, kważi kollha, kienet saret kolonja tal-Ewropa.  Min jaħseb li din l-attitudni nbidlet, żbaljat.  

Din issa ġiet ikkumplikata aktar bl-attitudni ta’ ċerti pajjiżi bħal Polonja, il-Litwanja, Latvia u l-Estonja.  Dan qed narawh illum għax l-attitudni ta’ dawn il-pajjiżi flimkien mal-Istati Uniti u r-Renju Unit, l-intenzjoni tagħhom fuq l-invażjoni tar-Russja fl-Ukranja mhux li l-Ukranja teħles mill-invażjoni Russa imma jridu li r-Russja titlef il-gwerra. Sintendi għal dawn il-pajjiżi din il-gwerra hi ta’ vantaġġ għaliex l-imwiet u tbatija mhux huma qed isofruha imma l-Ukreni.

Din l-attitudni hi differenti mill-pajjiżi bħal Franza, il-Ġermanja u l-Italja li filwaqt li jridu li r-Russi jitilqu mill-Ukranja, imma mhux bit-tkomplija tal-ġlied imma billi jsiru taħtidiet. U din id-differenza hi waħda kuċjali jekk verament irridu li ma jkomplux jinqatlu nies u tinstab soluzzjoni.  Biss illum qed naraw li minħabba l-pressjoni li għandhom mill-Istati Uniti u n-NATO, qed ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom u jridu li l-gwerra tkompli.  

Persuna oħra li ddistingwat ruħha f’dan il-qasam jekk immorrux għall-paċi jew għall-poter hu l-Papa.  Dan għaliex dan verament jemmen fil-paċi.  Mhux biss jemmen imma jaf kif tista’ tersaq u tikseb dan l-għan.  Aktar minhekk ma qagħadx b’idu fuq żaqqu imma jaħdem minn wara l-kwinti biex il-paċi tinkiseb.  Dan rajnieh meta ġie Malta.  L-akbar mument tiegħu kien meta mar iżur il-Laboratorju tal-Paċi.  Mhux talli żaru, xi ħaġa li la l-Papiet ta’ qablu u lanqas awtoritajiet oħra tal-Knisja qatt ma daħlitilhom f’moħħhom li jmur hemm u jisma’ u japprezza l-immigranti mill-Afrika li huma fuq l-istonku tal-maġġoranza tal-Maltin inkluż l-awtoritajiet sew ċivili u sew reliġjużi li qatt ma stmaw lil dawn bħala bnedmin.

Din il-pożizzjoni tal-Papa mhix waħda popolari speċjalment sew mal-awtoritajiet ċivili u reliġjużi. Sintendi, l-oppożizzjoni lejh hi minn taħt, speċjalment ir-reliġjużi li għadhom jemmnu fil-poter suprem li jixtiequ li jkollha l-knisja.  

Din il-pożizzjoni tal-Papa lanqas hi popolari fl-UE.  It-tensjoni hawn ilha ddur.  Biss hawn l-akbar problema hi r-razziżmu fl-Ewropa.  Nerġa’ nsemmi l-Ukranja.  Bħalissa hemm gwerra u kulħadd kien lest li jaċċetta r-refuġjati.  Jien nemmen li hekk kellu u għandu jibqa’ jsir.  Imma wara tistaqsi, allura għaliex kien hemm dik ir-reżistenza meta  s-Sirja kien hemm gwerra u kien hemm refuġjati li riedu jiġu l-Ewropa minħabba l-gwerra li kienet u għadha għaddejja?  Żgur li ma kienx hemm numru daqs kemm hemm illum ġejjin mill-Ukranja.  

Mhux talli kien hemm reżistenza, imma ħafna pajjiżi għalqu l-fruntiera tagħhom biex dawn żgur ma jidħlux.  L-UE biex turi kemm mhix razzista, ħadet aktar passi minhekk għaliex ftehmet mat-Turkija li tagħtiha ma nafx kemm il-miljun u żżomm l-immigranti hi.  Jekk dan mhux razziżmu, x’inhu?

Il-Papa lanqas hu kwiet fuq il-gwerra tal-Ukranja għaliex hu jrid li tieqaf il-gwerra biex iċ-ċittadini Ukreni ma jkomplux ibatu u jinqatlu.  Biss fl-Ewropa, inkluż il-Kummissjoni Ewropea ma jridux li l-gwerra tieqaf issa.  Iridu jaraw rebħa, minkejja li sakemm isir hekk jinqatlu mijiet, jekk mhux eluf, ta’ Ukreni oħra.  Dan għaliex l-Ewropa m’għadhiex indipendenti u tagħmel il-prinċipji tagħha u timxi magħhom.  Illum l-UE tagħmel kif tgħidilha n-NATO.  Dan narawh għaliex id-deċiżjonijiet l-ewwel jittieħdu fin-NATO u wara jiġu adottati b’entużjażmu mill-UE.  Mhux diffiċli li tifhimha, għax dejjem naraw li n-NATO qed tkun imdaħħla, sew formali u sew informali, fil-laqgħat tal-UE meta jkunu ser jiddiskutu l-qagħda.  

Sport