Wednesday, April 23, 2025

Il-Papa kien l-appostlu tal-ħniena għax spiss kien jipprietka dawn it-tliet kelmiet: viċinanza, kompassjoni u għożża

Aqra wkoll

Il-Quddiesa b’suffraġju għall-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ filgħaxija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-konċelebranti kienu in-Nunzju Appostoliku Savio Hon Tai-Fai, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durrës George Frendo OP, l-Isqof Emeritu ta’ Garissa Joseph Alessandro OFM Cap, provinċjali reliġjużi, u għadd ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi oħra. Għall-quddiesa attendew l-ogħla awtoritajiet tal-Istat immexxija mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

L-Arċisqof iddeskrieva lill-Papa bħala “l-appostlu tal-ħniena” għax spiss kien jipprietka dawn it-tliet kelmiet: ‘viċinanza, kompassjoni u għożża’, li l-Papa kien iħobb isejħilhom l-istil tal-Evanġelju. Qal kemm il-Papa kien imħasseb li ħafna nies kienu jħossu li l-messaġġ ta’ Ġesù “jġib sikkatura, dwejjaq u impożizzjoni” u għalhekk xtaq li permezz tal-pontifikat tiegħu “jlaqqa’ l-poplu ta’ Alla mal-ħniena tal-Missier u mal-ferħ li jġib l-Evanġelju”.

Mons. Arċisqof semma wkoll l-aħħar enċiklika dwar il-Qalb ta’ Ġesù li ħadem fuqha l-Papa Franġisku – Dilexit nos, li tfisser ‘huwa ħabbna’ (Rum 8:37). “Nistgħu ngħidu li din il-kelma toqgħod ukoll għalih għaliex kull min iltaqa’ miegħu, ħabbu. Aħna għandna nħossuna xxurtjati li konna parti mill-familja li tagħha hu kien ragħaj u stajna ngħidu li ħabbna.”

Matul l-omelija, l-Arċisqof semma ż-żjara appostolika tal-Papa Franġisku f’Malta, li sejħilha ‘warda tal-irjieħ’ u li għandha “l-vokazzjoni li tkun ambjent ta’ djalogu, tal-laqgħa tal-ġnus, strument ta’ paċi”. Ħeġġiġna “nilqgħu fostna lil ħutna, għax la huma fostna m’għadhomx barranin”, u biex inħarsu lejn il-fenomenu migratorju bħala sinjal ta’ paċi iktar milli sinjal ta’ kunflitt.

Mons. Arċisqof finalment ikkwota lill-Papa Franġisku dwar x’kien jaħseb mill-mewt: ‘Jekk aħna nemmnu fil-ġenna, il-mewt ma tibqax tbeżżagħna. Jekk dan nemmnuh, il-mewt ma tibqax tbeżżagħna, u nistgħu wkoll nittamaw li nitilqu minn din id-dinja b’mod seren b’ħafna fiduċja. Min iltaqa’ ma’ Ġesù u sar jafu, ma jibża’ minn xejn iżjed.’

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport