Fl-aħħar seduta qabel il-Parlament aġġorna għall-btajjel tal-Milied, ittieħdu l-voti kollha relatati mal-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-voti finanzjarji tal-Ministeri kollha kif elenkati fid-diskors tal-Budget ġew approvati mill-Parlament b’41 vot favur u 33 vot kontra.
Fl-istess waqt, l-emendi li ressqu l-Oppożizzjoni m’għaddewx b’33 vot favur u 41 vot kontra.
Is-seduta li jmiss tal-Parlament se ssir nhar it-Tnejn 13 ta’ Jannar 2025 fl-4.00 p.m Differenza ċara bejn Gvern favur in-nies u Oppożizzjoni li tivvota kontra n-nies.
Sadanittant, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li llum ħarġet differenza ċara bejn Gvern li hu fuq in-naħa tan-nies u Oppożizzjoni li ħadet in-naħa ta’ kontra l-poplu.
Il-PL qal li bl-approvazzjoni tal-Budget grazzi għall-vot tal-Gvern, miżuri mħabbra fil-Budget se jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla.
Miżuri li jsostnu u jinvestu fil-familji fosthom il-middle-class permezz tal-ikbar tax cut fl-istorja għall-ħaddiema. Din se tfisser titjib sostanzjali fid-dħul tal-familji. Dan apparti aktar għajnuna biex il-kontijiet tad-dawl jibqgħu l-orħos fiż-Żona Ewro, iż-żieda għall-10 darba fil-pensjonijiet u żieda qawwija oħra ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance għal kull wild.
“L-Oppożizzjoni vvutat kontra l-Budget, imma preferiet id-dokument tagħha leaked tal-Pre-Budget, li fi kliem l-esperti tagħha stess qalulha li ma hemmx sustanza. Fil-mumenti deċiżivi, il-poplu jaf min hu fuq in-naħa tiegħu,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-PL.