Il-Partit Laburista jirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawk li jaħdmu fuq barra fi żmien ta’ sħana qawwija

Aqra wkoll

Delegazzjoni tal-Partit Laburista mmexxija mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Alex Agius Saliba, żaret numru ta’ ħaddiema bħala rikonoxximent għall-ħidma li dawn il-ħaddiema jwettqu kuljum, partikolarment matul dan il-perjodu tas-sena meta temperaturi għoljin u mewġiet ta’ sħana qed jagħmlu x-xogħol fuq barra iktar impenjattiv.

Matul iż-żjara, li saret fl-Iskola Medja tal-Ħamrun, Alex Agius Saliba rringrazzja lill-ħaddiema kollha għad-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom. Huwa saħaq li x-xogħol li qed iwettqu huwa essenzjali biex l-iskejjel ikunu lesti jilqgħu lill-istudenti u lill-edukaturi.

Alex Agius Saliba qal li bħala Partit Laburista, iħossu fid-dmir li juri l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema li minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli minħabba sħana qawwija, ikomplu jwettqu xogħolhom b’dedikazzjoni. 

Filwaqt li jiġu rikonoxxut is-sagrifiċċju li jagħmlu l-ħaddiema f’temperaturi għoljin sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom ambjent edukattiv aħjar, huwa sostna li x-xhur tas-sajf, meta l-iskejjel ikunu magħluqin, huma perjodu kruċjali biex jitwettaq dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Alex Agius Saliba enfasizza wkoll l-importanza li dejjem jiġu osservati l-miżuri kollha meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċjalment f’kundizzjonijiet ta’ sħana estrema.

Sostna li l-investiment kontinwu fl-iskejjel tal-pajjiż qed ikompli jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura edukattiva u fl-aħħar mill-aħħar, il-kwalità tal-ħajja tal-istudenti u l-edukaturi. Huwa temm billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha għall-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lejn il-pajjiż.


Id-Direttur tal-Loġistika u Infrastruutura fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Sports, is-Sur Silvio Azzoppardi spjega li bħalissa għaddej xogħol infrastrutturali estensiv f’numru ta’ skejjel madwar il-pajjiż bħala parti mill-programm ta’ manutenzjoni u tisbiħ matul ix-xhur tas-sajf. Huwa qal li fost il-prijoritajiet hemm it-titjib tas-servizzi u l-ħolqien ta’ ambjenti edukattivi iktar moderni u inklussivi, filwaqt li spjega li għexieren ta’ ħaddiema u professjonisti qed jaħdmu fuq diversi proġetti sabiex l-iskejjel ikunu lesti għall-bidu tas-sena skolastika l-ġdida.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport