Il-Partit Nazzjonalista joħroġ stqarrija biex jipprova jagħti l-impressjoni li ma sarx xogħol fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku imma fl-istess nifs ikollu jammetti li sar u li għaddej ħafna xogħol.
Gvern Laburista qed iwettaq l-akbar investiment li qatt sar fil-grid nazzjonali wara li wiret il-isfidi kollha li nqalgħu minħabba n-nuqqas ta’ investiment u ppjanar minn Gvern preċedenti.
Dan il-Gvern għaddej pjan ta’ disa’ snin b’investiment ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li jinkludi 12-il ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni, link ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex, eluf ta’ metri ta’ cables ġodda u tisħiħ tan-network madwar il-pajjiż biex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber.
Għalhekk li llum l-Enemalta għandha aktar alternattivi fejn iddawwar lill-klijenti meta jkun hemm qtugh ta’ dawl biex kemm jista’ jkun ma jdumux ħin twil bla dawl.
Fuq kollox minkejja l-isfidi li qed joħolqu elementi klimatiċi estremi fuq livell globali u fl-Ewropa li anke ħarbtu servizzi essenzjali f’pajjiżi oħra il-ħaddiema tal-Enemalta qed jagħmlu minn kollox biex ma tiġix affetwata l-provvista għan-nies u l-investiment li sar fl-aħħar snin hu importanti f’din il-ħidma. Dan kollu filwaqt li l-familji u n-negozji Maltin għadhom igawdu minn fost l-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa.
Min għandu kredibbiltà jitkellem dwar l-elettriku huwa min qed jinvesti u jwettaq, mhux min ħalla pajjiż b’infrastruttura li ma żammitx mal-ħtiġijiet tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista jista’ jibqa’ jikkritika u joħloq paniku, Gvern Laburista jibqa jwassal r-riżultati.
