Sostnut proġett li jippromwovi l-inklużjoni minn età żgħira permezz tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, żaret il-Każin San Ġużepp Banda De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, fejn ġie ppreżentat il-proġett “Flimkien għall-Festa Tagħna”, inizjattiva li twettqet permezz tal-Iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi, li permezz tagħha ngħata finanzjament ta’ madwar €6,270.

Dan il-proġett wassal għall-ħolqien ta’ żewġ pubblikazzjonijiet u kartun animat għat-tfal li, permezz ta’ storja bbażata fuq ġrajja vera, jippromwovi l-valuri tal-ħbiberija, l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni fil-komunità u l-apprezzament tal-wirt kulturali Malti. L-istorja tirrakkonta l-esperjenzi ta’ tlett itfal li huma membri attivi tal-Każin San Ġużepp Banda De Rohan u li, minkejja li kull wieħed minnhom jgħix b’diżabilità, jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-każin u dejjem jappoġġjaw lil xulxin. Permezz tal-esperjenzi tagħhom, ktieb iwassal il-messaġġ li l-ħbiberija, il-kuraġġ u l-għaqda jistgħu jegħlbu kull sfida, filwaqt li juri li kull persuna għandha xi ħaġa unika x’toffri lill-komunità.

Il-pubblikazzjoni saret f’verżjoni stampata kif ukoll bil-Braille, sabiex ikun aċċessibbli wkoll għal tfal b’diżabbiltà viżiva, filwaqt li nħoloq kartun animat biex il-messaġġ tiegħu jilħaq udjenza usa’ b’mod modern u interattiv.

Il-produzzjoni tal-verżjoni bil-Braille saret b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA). Il-protagonisti tal-istorja huma tlett itfal reali — Matthias Camilleri, May Camilleri u Valentina Grixti — li huma membri tal-Każin San Ġużepp Banda De Rohan u li taw ispirazzjoni lill-istorja permezz tal-esperjenzi tagħhom. Huma kienu involuti wkoll fil-produzzjoni tal-kartun animat u fir-recordings, u b’hekk taw ħajja lill-karattri li jirrappreżentawhom.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia qalet li dan il-proġett juri kif il-volontarjat u l-għaqdiet lokali jistgħu jkunu forza pożittiva biex tinbena soċjetà aktar inklussiva. “Huwa permezz ta’ inizjattivi bħal dawn li nkunu qed nibnu kultura ta’ rispett, parteċipazzjoni u opportunitajiet indaqs sa minn età żgħira. L-inklużjoni ma tfissirx biss li noħolqu servizzi aċċessibbli, iżda wkoll li niżguraw li kull tifel u tifla jkunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fil-ħajja kulturali u soċjali ta’ pajjiżna,” qalet il-Ministru. 

Il-Ministru Farrugia żiedet li l-Gvern se jkompli jinvesti fi skemi li jagħtu l-għodda lill-għaqdiet volontarji sabiex jiżviluppaw proġetti li jħallu impatt konkret fil-komunitajiet u jsaħħu l-valuri tal-inklużjoni, l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni attiva tal-persuni b’diżabilità.

Min-naħa tagħha, l-Assistent Segretarju tal-Każin San Ġużepp Banda De Rohan, Donnaliza Camilleri, spjegat li l-idea wara “Flimkien għall-Festa Tagħna” twieldet mill-esperjenza tal-volontarjat u mir-realtà li ħafna drabi l-għaqdiet isibu diffikultà biex jattiraw ġenerazzjonijiet ġodda ta’ voluntiera. Hija rrakkuntat kif, wara li tkellmet ma’ diversi studenti u ndunat li ħafna minnhom ma kinux involuti f’xi għaqda, ħasset il-ħtieġa li toħloq storja li tispira lit-tfal jipparteċipaw fil-komunità tagħhom. Għalhekk inħolqot storja bbażata fuq tfal reali b’abbiltajiet differenti li, minkejja l-isfidi tagħhom, jagħtu sehemhom fis-soċjetà u juru li kulħadd għandu xi ħaġa siewja x’joffri. It-tfal stess kienu involuti fil-produzzjoni tal-ktieb u tal-kartun animat, inkluż fir-recordings, filwaqt li l-pubblikazzjoni bil-braille kienet ispirata wkoll mill-esperjenza tagħha ta’ ħidma ma’ tfal neqsin mid-dawl. “Din l-istorja tfakkarna li meta naħdmu flimkien u nagħrfu l-potenzjal ta’ kull persuna, nistgħu nibnu komunità u soċjetà aħjar għal kulħadd,” temmet tgħid Camilleri. 

Matul l-attività, il-Każin San Ġużepp Banda De Rohan ippreżenta lill-Ministru kopji tal-ktieb, fosthom żewġ edizzjonijiet bil-braille li se jitqassmu lit-tfal sabiex aktar tfal ikollhom l-opportunità jgawdu din l-esperjenza edukattiva u kulturali b’mod inklussiv. Kopja ngħatat ukoll lill-librerija pubblika ta’ Ħaż-Żebbuġ.

 L-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi tkompli tappoġġja proġetti li jsaħħu l-komunitajiet permezz tal-inklużjoni, filwaqt li tħeġġeġ kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji u entitajiet oħra biex jinħolqu inizjattivi li jagħmlu differenza pożittiva fis-soċjetà.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport