Thursday, December 26, 2024

“Il-pass li jmiss… enfasi akbar fuq il-kwalità fis-servizz”

- Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sodisfatti bir-riżultati fit-turiżmu. Jinkwadra tajjeb fl-irkupru b’saħħtu li kellna f’dan is-settur. In-numri li esperjenzajna fl-2023, kellna narawhom fl-2024. Issa l-pass li jmiss, li nemmen li għandna nenfasizzaw ħafna aktar dwaru, huwa l-kwalità fis-servizz.”

Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja meta mitlub minn dan is-sit, sabiex jikkummenta dwar ir-riżultati storiċi miksuba fit-turiżmu. 

Is-Sur Bugeja beda biex qal li r-riżultati huma tajbin ħafna, fejn qed ikunu attirati t-turisti lejn Malta matul is-sena kollha. “Hemm diversifikazzjoni fis-swieq li minnhom ġejjin it-turisti. Għalhekk ma niddependux biss fuq suq wieħed, imma diversi swieq. L-enfasi li qed issir fuq il-long haul markets hija importanti ħafna.” 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem ukoll dwar il-ħidma li qiegħda ssir, anke fir-rigward ta’ marketing, biex jiġu attirati aktar nies ta’ kwalità – li jfittxu li jsibu prodott tajjeb, ambjent nadif u anke esperjenza awtentika.

“Matul is-snin konna famużi għall-kwalità fis-sevizz. Dawk in-nies tattirahom billi żżid il-kwalitajiet. L-iskills pass, li se tkun introdotta fil-ġimgħat li ġejjin, se tkun qiegħda tgħolli l-livell. Bħala GWU nemmnu ħafna fiha. It-tagħlim tul il-ħajja u l-kisba ta’ aktar ħiliet huma l-bażi biex ikun hemm mobiltà soċjali,” tenna s-Sur Bugeja. 

Huwa qal li l-fatt li t-turiżmu qed ikun mutur għall-ekonomija, meta tara n-numri li qed jiġu rreġistrati meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra tal-Mediterran u anke fl-Ewropa, dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur, għall-Ministeru tat-Turiżmu u l-Indafa u Pubblika u anke l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli biex jattiraw aktar turisti. Tkellem ukoll dwar l-enfasi fuq il-konnettività, li tinkawdra fil-viżjoni strateġika nazzjonali għal Malta f’dan is-settur. 

L-Orizzont tkellem ukoll mal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra li qal li r-riżultati miksuba kienu aħjar milli kienu qed jistennew. “Konna nistennew li fl-2023, nispiċċaw l-istess bħal l-aħjar sena li kellna l-2019. Spiċċajna daqsxejn aħjar. Sodisfatt bir-riżultat u għaddejja ħidma biex intejbu fuqu għal din is-sena,” qal is-Sur Zahra. 

Fl-2023, Malta laqgħet ‘il fuq minn 3 miljun turist, li tfisser żieda ta’ 8% meta mqabbel mal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija. Dan filwaqt li t-total ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti f’pajjiżna kien dak ta’ 20.2 miljun lejl, li tfisser żieda ta’ 5% fuq l-2019. Barra minn hekk, it-total ta’ nfiq mit-turisti f’pajjiżna s-sena li għaddiet kien dak ta’ €2.7 biljun, biex kienet irreġistrata żieda ta’ 20% fuq is-sena 2019.

Ekonomija

Sport