Għas-seba’ sena konsekuttiva, Airports Council International irrikonoxxa lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala wieħed mill-aqwa ajruporti Ewropej għall-kwalità tas-servizz, fil-kategorija ta’ dawk l-ajruporti li jilqgħu bejn 5 u 15-il miljun passiġġier fis-sena.
Dan ir-riżultat huwa bbażat fuq dak li wieġbu l-passiġġieri ftit qabel ħallew Malta permezz tal-Airport Service Quality, programm rikonoxxut globalment u li jevalwa 367 ajruport f’95 pajjiż.
“Li lqajna 9 miljun passiġġier f’sena waħda kienet kisba bla preċedent għall-ajruport tagħna u l-fatt li wasalna sa hawn filwaqt li żammejna servizz eċċellenti u ta’ kwalità huwa xhieda tal-impenn tat-tim kollu tagħna li jipprovdi l-aqwa servizz possibbli,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, filwaqt li rringrazzja lill-impjegati kollha tal-ajuport għall-ħidma tagħhom biex jassiguraw li l-passiġġieri jingħataw l-aqwa impressjoni tal-Gżejjer tal-Maltin.
“Anke fi żmien ta’ traffiku rekord u l-eżekuzzjoni ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri, it-tim tagħna baqa’ ffukat biex joffri esperjenza pożittiva u effiċjenti lill-viżitaturi tagħna. Kburi mmens nara lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, għal darb’oħra, fost l-aqwa fl-Ewropa u jibqa’ jingħata l-aqwa fiduċja mill-passiġġieri tagħna.”
B’punteġġ ta’ sodisfazzjon ġenerali ta’ 4.39 minn 5, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tmien l-aqwa post minn fost 119-il ajruport Ewropew li huma parti minn dan il-programm. Fil-fatt, l-ajruport kiseb klassifikazzjoni ogħla mill-medja fil-maġġoranza tal-34 indikaturi ewlenin dwar il-prestazzjoni. Dawn l-indikaturi jinkludu l-ambjent tat-terminal, l-indafa, l-għajnuna tal-impjegati u l-faċilità biex il-passiġġieri jsibu t-triq tagħhom fl-ajruport. Flimkien, dawn l-elementi huma strumentali biex il-passiġġieri jkollhom vjaġġ pjaċevoli u bla xkiel.
Ir-Riżultati tat-Traffiku għal Frar
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll ir-riżultati tat-traffiku għal Frar. Total ta’ 560,553 passiġġier għaddew mill-ajruport matul ix-xahar li għadda, b’dan ifisser tkabbir ta’ 18.2 fil-mija fuq l-istess xahar tal-2024. Matul l-istess xahar, l-ajruport ra t-traffiku tal-ajru jiżdied bi 22.8 fil-mija u rreġistra tkabbir ta’ 21.1 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. L-okkupanza tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet kienet ta’ 80.5 fil-mija.
L-iktar swieq li kkontribwew għat-traffiku tal-passiġġieri baqgħu l-istess bħax-xahar ta’ qabel, bl-Italja fuq quddiem, hekk kif kienet responsabbli minn 19.2 fil-mija tat-total tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport, segwita mir-Renju Unit (18.3 fil-mija), il-Polonja (11.4 fil-mija), il-Ġermanja (7.1 fil-mija) u Spanja (6.2 fil-mija).