Friday, April 26, 2024

 IL-PATRI L-IMQAREB

Aqra wkoll

Sena ilu miet fi sptar il-Brażil il-Patri Dumnikan Patri Ġwann Xerri fl-età ta’ 74 sena. Sebgħa u erbgħin sena qabel kien mar hemm jingħaqad mad-Dumnikani. Kelli x-xorti nsir nafu għal ħafna snin u nħoss li għamilli ħafna ġid: bla prietki u bla ndħil, minn taħt l-ilsien u bl-eżempju.

Hemm ħafna xi tgħid dwar Patri Ġwann: l-impenn tiegħu favur il-paċi u l-ġustizzja soċjali, mhux bħala slogan iżda impenn serju ma’ dawk minn taħt u mwarrba: il-fqar, il-ħaddiema, in-nisa, il-popli indiġeni, ir-rifuġjati, u l- LGBTIQ. Il-valuri tiegħu kien jgħixhom bil-kwiet fil-ħajja ta’ kuljum. F’Patri Ġwann kienu jolqtuni tliet kwalitajiet qawwijin: is-sens ta’ umoriżmu, il-kuraġġ li juri d-dgħufija tiegħu u li aktar ma xjaħ aktar sar radikali, fis-sens li jara l-ħajja mill-għeruq.

Kien jaf jidħak bil-qalb. Meta konna niltaqgħu d-dar u niġbru xi ħbieb u nqattgħu ħin nieklu xi ħaġa, nixorbu xi tazza nbid u nitkellmu flimkien, tgħidx kemm kien jidħak bil-qalb meta konna nitkellmu fuq xi aspett tal-ħajja fejn aktar ma xi ħadd ikun pompuż u jrid jidher solenni u serju, aktar jagħtik li tidħak.

Imma anki f’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-daħka tiegħu ma kinitx kattiva dwar xi ħadd iżda daħka li żżarma s-superfiċjalità falza tal-ħajja. Kien iħobb jgħid bi tbissima mqarba: ejja ma nieħdux lilna nfusna bis-serjetà ħafna, ejja ma naħsbux li d-dinja tiddependi minna u kollox idur madwarna, aħna l-bravi u t-tajbin u l-oħrajn il-medjokri u l-ħżiena.

Dan kollu kien ġej mis-sinċerità tiegħu. Kien jagħmel minn kollox biex jibqa’ qalb in-nies u mhux jitla’ fuq xi pulptu jew xi pedestal biex jipprietka lill-bqija jew biex juri li hu superjuri għal ta’ madwaru. Minkejja l-età tiegħu dejjem niftakru jaħdem fuqu nnifsu biex ikompli jinbidel u jitgħallem mill-ħajja biex ikun jista’ jifhem u jħoss u jgħix ma’ dawk kollha li kien jiltaqa’ magħhom.

Il-mara tal-ispirti

Per eżempju kien juri li sabha diffiċli biex jinbidel u jifhem aħjar lill-persuni LGBTIQ u jaċċetta ż-żwieġ tagħhom. Għax hu ried jaċċetta lill-persuni bħala persuni u b’mod profond, mhux biex jimxi ma’ xi kurrent jew moda.

Niftakar darba staqsejtu x’għandi nagħmel wara li żort mara kwieta tgħix waħedha li tgħidli li titkellem mal-ispirti u li taf sigrieti kbar dwar id-dinja. L-aktar ħaġa faċli kien li jgħidli (kif ħsibt jien): żmagata, miskina … minflok qalli: tieħux dawn l-affarijiet biċ-ċajt. Fil-ħajja hemm ħafna affarijiet li ma nifhmux. Oqgħod attent. Dak li ma tifhimx jew ma tistax tispjegah, taħsibx li ma jeżistix.

Anki dwar affarijiet profondi reliġjużi: ma kienx jaqbad u jaċċettahom b’għajnejh magħluqa. Dak li ma kienx ċert dwaru, kien jgħid li mhux ċert dwaru. Ma kien jilbes l-ebda maskra taċ-ċertezza u ta’ xi ħadd li jaf kollox. Kellu wiċċ uman li fuqu stajt taqra d-dubji, l-ansjetà, l-inkwiet is-sens ta’ misteru u iżjed mistoqsijiet milli tweġibiet. 

Ma kienx jara d-dinja bajda u sewda, bl-ebda mod.Ġieli qalli: bħala ministru hemm sitwazzjonijiet fejn issibek li trid tagħmel mhux it-tajjeb jew il-ħażin iżda ħażin inqas minn ħażin agħar, mhux biex jiġġustifika l-ħażin iżda għax kien jaf il- piż tar-responsabbiltajiet u mhux ta’ min hu komdu f’pultruna jipprietka lill-ħaddieħor bla ma jħammeġ idejh bil-ħidma soċjali u politika.

Wara li għalaqt il-65 qalli: “issa tista’ tkun iżjed radikali, tara l-ħajja mill-qiegħ, x’inhu l-iżjed importanti u mhux dak li jgħaddi malajr. Ipprova ifhem il-kurrenti fondi fil-baħar mhux iż-żiffa tal-wiċċ u ħu l-pożizzjonijiet li tħoss li għandek tieħu fil-kuxjenza tiegħek bla tfittex li tagħmel dak li taħseb jaqbillek għall-karriera tiegħek għax tispiċċa timxi ’l quddiem fit-titli u fil-ħatriet u tmur lura bħala persuna”. 

Sport