Tuesday, May 14, 2024

“Il-pieni għandhom jibdew jiriflettu l-impatt tal-inċident”

- Id-Deputat Joe Giglio

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament kompla jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku, li l-għanijiet tiegħu huma sabiex jiżdiedu l-multi li jinsabu fit-Tieni Skeda bħala deterrent u biex jiġu emendati t-tifsir kif neċessarju.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Joe Giglio tkellem dwar il-ħtieġa li nindirizzaw l-artiklu 226 tal-Kodiċi Kriminali fejn nibdew niddistingwu u nħarsu lejn l-impatt li inċident tat-traffiku kellu fuq il-vittma – l-impatt tal-ferita u anke tad-diżabilità li tkun ġabet magħha. “Għaldaqstant, il-pieni għandhom jibdew jirriflettu wkoll l-impatt li dak l-inċident ikun ġab miegħu,” sostna d-Deputat Joe Giglio.

Dr Giglio semma kif riċentament kien hemm kritika lejn sitwazzjoni ta’ xufier ta’ vettura li tajjar mara waqt li kienet qiegħda taqsam it-triq minn zebra crossing fix-xatt ta’ Tas-Sliema. Il-kritika kienet dwar is-sentenza li ngħatat f’dan il-każ.

Kien hawn fejn Dr Giglio qal li “nistgħu nibdew naħsbu jekk nindirizzawx l-artiklu 226 tal-Kodiċi Kriminali billi naraw li l-pieni stabbiliti għal min waqt li jkun qed isuq ikorri lil xi ħadd ieħor humiex pieni li qegħdin jirriflettu r-realtajiet li għandna llum.”

Żied jgħid li rridu naħsbu wkoll jekk il-leġiżlazzjoni li għandna fil-Kodiċi Kriminali hix isservi ta’ deterrent biex ma nerġgħux naraw din is-sena bħalma rajna s-sena l-oħra fejn kien hemm “rekord ta’ mwiet fit-toroq u ammont kbir ta’ nies li wġeġgħu waqt li kienu fit-toroq tagħna.”

Sadanittant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar il-breathalyzer tests li jsiru fejn qal li dawn jaħdmu biss jekk ix-xufier li jitwaqqaf u jsiru dan it-test ikunx taħt l-influwenza tal-alkoħol.

“Il-breathalyzer test li aħna għandna llum il-ġurnata hi tali li l-effetti tad-droga fuq persuna li tista’ tkun qed issuq karozza mhumiex jiġu indirizzati. M’hawn ebda infurzar effettiv li qed jiġi implimentat sabiex jiġi żgurat li bħalma persuna ma ssuqx taħt l-influwenza tal-alkoħol hekk ukoll persuna ma ssuqx meta tkun taħt l-influwenza tad-droga,” qal Dr Giglio.

Sport