Wednesday, December 25, 2024

“Il-PL għandu jibqa dar miftuħa għall-progressivi u għall-moderati”- Joseph Muscat

Aqra wkoll

“Il-Partit Laburista jrid jibqa dar miftuħa għall-progressivi u għall-moderati. It-tweġiba mhumiex azzjonijiet mhux maħsuba sew, anki jekk wieħed jaqbel magħhom, u li għandhom bżonn mandat elettorali ċar. Biex tbiddel hemm bżonn strateġija ċara u razzjonali li tgħaqqad u mhux tifred”.

Dan qalu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’kumment lit-Times of Malta, b’rabta mar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Muscat qal li bosta għaġġlu biex jagħtu ġudizzju fuq il-vot tat-8 ta’ Gunju. Skontu, dawn kienu ġudizzji superfiċjali u prematuri għaliex ma stennewx li jkun magħruf ir-riżultat ta’ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u kif ukoll tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Fl-istess messaġġ, irrimarka li r-riżultati juru li l-Partit Laburista naqqas u li l-Parti Nazzjonalista jinsab imwaħħal. Dwar dan, huwa komplia jgħid; ” Il-Partit Nazzjonalista għamel xi gwadanni fiż-żewġ elezzjonijiet, u mar ftit aħjar fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Il-Partit Laburista naqqas, riżultat ta’ min ma marx jivvota, dawk li ħassru l-vot u dawk li vvotaw lill-kandidati indipendenti, speċjalment fl-elezzjoniet Ewropej”.

Dwar l-istħarriġ tal- Istatistiku u Riċerkatur Dr Vincent Marmara, qal li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tiegħu kienu preċiżi fir-rigward tal-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista. Kompla għid li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika ppublikati mill-midja, skontu kollha fallew milli jkejlu d-daqs tal-vot ta’ protesta parzjali li sofra l-Partit Laburista fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

L-eks Prim Ministru qal li l-mistoqsija kruċjali li kull forza politika trid twieġeb biex tibqa rilevanti hija “Aħna għal xħiex ninsabu hawn?”. Enfasizza li t-tweġiba ma tistax tiġi minn kollezzjoni ta’ kliem vojta li joħorgu minn xi focus group jew frażijiet ġeneriċi. Qal li t-tweġiba trid tkun torbot mal-ħtiġijiet reali tal-klassi tan-nofs estiża f’pajjiżna, inkluż dawk li qed jaspiraw li jkunu parti minn din il-klassi.

B’referenza għall-frażijet tal-Oppożizzjoni, saħaq li dawn jinkludu l-kliem bħal “governanza” jew tal-Gvern bħal “kwalita tal-ħajja”, li minkejja li jistgħu jkunu popolari ma’ dawk li jieħdu sehem fi programmi televiżivi u jiktbu fil-gazzetti, huma vojta u maqtugħa mir-realta ta’ ħafna nies.

Fl-istess messaġġ li ttella wkoll fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Joseph qal; “Il-partit irid jibqa jinbidel biex jibqa jilqa għall-bżonnijiet ta’ soċjeta li huwa stess qiegħed jgħin tinbidel, sakemm ma jridx jisfa vittma tas-suċċess tiegħu stess. Dan jista jsir l-aħjar b’kuntatt dirett man-nies iktar milli wieħed iserraħ fuq dak li jgħidu ċertu nies moħħom biex jimlew il-gazzetti u li għandhom l-aġenda tagħhom”.

Dwar dan, kompla jgħid li l-PL irid iqatta inqas ħin fuq Facebook u iktar ħin wiċċ imb’ wiċċ man-nies, hekk kif ir-riżultati juri li Malta għadha trid lill-Partit Laburista jmexxi.

Temm jgħid; “Biex inkun ċar, ma nista nsib xejn ħażin fil-kampanja tal-Parit Laburista. Kienet kampanja organizzata tajjeb ħafna u ffokata. L-unika ħaġa li stonat kienet ir-reazzjoni għar-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd wara nofs in-nhar kienet maqtugħa mis-sentiment ta’ kif kienu qed ihossuwhom ħafna votanti Laburisti dakinhar”.

Ekonomija

Sport