Thursday, April 18, 2024

Il-PL se jibqa’ bil-bibien miftuħa biex nibqgħu niżviluppaw l-ideat u l-ħsibijiet

Il-PM f’laqgħa ta’ apprezzament mal-imsieħba soċjali u membri tal-media

Aqra wkoll

“Il-Partit Laburista, bħala l-forza politika ewlenija f’pajjiżna, huwa konxju u jemmen tassew li rridu naħdmu lkoll flimkien biex nilħqu l-għanijiet li għandna quddiemna bħala pajjiż… Għandna interess komuni li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem fid-direzzjoni t-tajba.”

F’messaġġ ewlieni lill-imsieħba soċjali u membri tal-media f’bidu ta’ sena ġdida, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela rrikonoxxa l-irkupru b’saħħtu li kellu pajjiżna mill-effetti tal-pandemija u kif l-investiment kompla jitjieb fejn saħansitra hemm oqsma li komplew jitjiebu aktar mis-snin ta’ qabel il-pandemija. 

“Jekk fl-aħħar xhur in-negozji tkellmu dwar kemm marru tajjeb, se naħdmu biex din is-sena jmorru aħjar. U konvint li jistgħu jmorru aħjar. Jekk is-sena li għaddiet komplejna nattiraw l-investiment, din is-sena se naħdmu biex nattiraw iktar.”

Il-Prim Ministru saħaq ukoll kif fix-xhur li ġejjin, se nkomplu naħdmu fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż. It-tisħiħ ekonomiku, il-wens soċjali, il-proġetti ambjentali u r-riformi.

“Bħala Gvern għandna pjan ċar ta’ fejn irridu naslu, targets speċifiċi biex minn elf proposta fil-manifest elettorali, nagħmluhom elf kisba… Se nibqgħu niddeċiedu fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.”

Robert Abela temm jgħid li l-Partit Laburista se jibqa’ bil-bibien miftuħa biex nibqgħu niżviluppaw l-ideat u l-ħsibijiet biex inkomplu nimmodernizzaw lil pajjiżna.

Ekonomija

Sport