Friday, April 19, 2024

Il-PM iħabbar li s-suppliment tal-paga se jiġi estiż sal-aħħar ta’ Jannar

Aqra wkoll

Bil-għan li n-negozji ma jitħallewx weħidhom biex jaffaċċjaw l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, u fl-istess ħin ma jkunux qed jintilfu impjiegi, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jkunu qed jestendu s-suppliment tal-paga kif inhu issa, sal-aħħar ta’ Jannar 2022.

Waqt li bħalissa jinsab fi Brussell biex jattendi għal żewġ laqgħat mal-Mexxejja Ewropej, li fihom se jiġu trattati diversi suġġetti fosthom il-pandemija attwali, Abela sostna li eventwalment wieħed ikun irid jerġa’ janalizza l-qagħda internazzjonali u l-impatt li jista’ jkollha fuq pajjiżna. 

“Ilum li għamilna kien li rajna l-qagħda internazzjonali, rajna li fuq livell internazzjonali hemm inċertezza fejn jidħol l-ivvjaġġar. Rajna lokalment li minkejja li hemm kumpaniji li għandhom ħafna ordnijiet, hemm nuqqasijiet ta’ loġistika, fis-sens li hemm materja prima li għandhom diffikultajiet biex jiprokurawha.”

Il-Prim Ministru osserva l-fatt li l-irkupru ta’ Malta hu wieħed b’saħħtu u t-tbassir tal-esperti internazzjonali hu pożittiv ħafna. 

“Ridna nassiguraw li dak kollu li rnexxielna nippriservaw f’dawn l-aħħar xhur ma jintilifx f’mument daqstant kritiku u għaldaqstant bħala Kabinett ħadna din id-deċiżjoni li nestendu l-Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar tas-sena li ġejja u fl-aħħar ta’ Jannar naturalment nerġgħu nirrevedu s-sitwazzjoni u nimxu minn hemmhekk,” qal Abela. 

F’dan ir-rigward huwa qal li għalhekk hu kruċjali li f’dan il-mument isostnu lil dawk li jistgħu jkunu l-iktar affettwati. Huwa qal li b’hekk jipproteġu l-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja tal-familji.

F’kummenti li għadda minn Brussell, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar xhur bħala Gvern kienu tempestivi meta ħadu d-deċiżjoni li jintroduċu l-Wage Supplement, dan għaliex aġixxew immedjatament peress li ħassu li kien tassew kruċjali li jagħtu appoġġ lin-negozji u fl-istess ħin jgħinu biex pajjiżna ma jesperjenzax il-qagħad li jgħolli rasu. 

Osserva l-fatt li bħalissa minkejja li għadna ninsabu waqt il-pandemija, pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellu. Qal li dik hija xi ħaġa importanti ferm għax ix-xogħol mhux biss jagħti d-dinjità lill-bniedem imma jgħajjex ukoll lill-familji.

Sport