Wednesday, December 25, 2024

Il-PM jappella lill-Oppożizzjoni biex tieqaf tattakka lill-Kummissarju

Aqra wkoll

F’diskors iebes li għamel fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-Oppożizzjoni sabiex ma tkomplix tattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija għaliex b’dan il-mod qiegħed jintbagħat messaġġ negattiv ħafna lejn il-Korp tal-Pulizija b’mod inġenerali.

Waqt li komplew jiġu diskussi l-emendi għal pieni eħrex f’każ ta’ aggressjoni fuq pulizija u uffiċjali pubbliċi, il-Prim Ministru reġa’ tenna l-fiduċja sħiħa tiegħu fil-Kummissarju tal-Pulizija u fil-Korp tal-Pulizija.

Filwaqt li stqarr li huwa tajjeb li ż-żewġ naħat tal-Kamra jitkellmu favur it-tressiq ‘il quddiem ta’ dawn l-emendi sabiex ikunu mniżżla fil-liġijiet ta’ pajjiżna, ma jistax ikun li jkun hemm Oppożizzjoni li fi kliemu tieħu pożizzjonijiet kunfliġġenti fi ftit jiem differenti minn xulxin. 

Huwa nnota kif sa ftit tal-jiem ilu stess, l-Oppożizzjoni reġgħet ħarġet b’attakk li kien “fattwalment falz” fuq il-Kummissarju tal-Pulizija meta qalu li dan qabad u żied is-salarju tiegħu bid-doppju. 

“Dik fattwalment kienet pożizzjoni falza tal-Oppożizzjoni għax mhijiex minnha,” qal il-Prim Ministru. “Iżda li kull membru tal-Korp, mill-gradi t’isfel sal-ogħla gradi, li bbenefikaw minn żieda fil-kundizzjonijiet tax-xogħol taħt dan il-Gvern, dik iva.”

Kien hawn fejn staqsa għaliex għal darba oħra l-Oppożizzjoni għoġbobha tissingola għal diversi drabi lill-Kummissarju tal-Pulizija u tattakkah b’dan il-mod. Sussegwentement intervjena l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott li allega li l-Prim Ministru kien qed jiżgwida l-Kamra billi dak li l-Oppożizzjoni dejjem irrimarkat fuqu kien il-Kummissarju tal-Pulizija u “minn hawn inwasslu l-appoġġ tagħna lill-uffiċjali tal-korp. Hemm distinzjoni sħiħa bejn il-Kummissarju li tawh paga ta’ €107,000 fis-sena,” instema’ jgħid Carabott.

Il-Prim Ministru rribatta billi qal: “Qed tara x’attitudni sistematika ta’ attakk fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija. Jirrepetuha, jirrepetuha u jerġgħu jirrepetuha. Ma jimpurtax. Jiena se nibqa’ nirrepeti d-difiża sħiħa tiegħi lill-membri tal-forzi tal-ordni kollha u lill-ġudikatura kollha.”

Dwar l-emendi mressqa mill-Gvern, il-Prim Ministru qal li dawn se jwasslu biex f’każ li jseħħu attakki, b’reżistenza jew bi vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, jiżdiedu l-multi u l-pieni ta’ priġunerija, li fl-ogħla ċirkostanza l-piena se titla’ għal seba’ snin priġunerija. 

“B’dawn l-emendi li se nintroduċu mhux biss se ngħollu l-pieni imma l-possibiltà li dak li jkun ikun attakka uffiċjal pubbliku fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-liġi jibbenefika minn sentenza sospiża, dik il-possibiltà eliminajnieha,” kompla jispjega l-Prim Ministru. 

Huwa żied jiċċara li ordni ta’ probation tkun applikabbli biss f’dawk iċ-ċirkostanzi limitati, u għandhom ikunu kważi eċċezzjonali, għaliex iridu jkunu reati ta’ portata ċkejkna. “Il-ħsieb mhuwiex li jitnaqqsu l-konsegwenzi ta’ dawn it-tip ta’ reati, imma li jiżdiedu l-konsegwenzi, li tiġi massimizzata l-protezzjoni lejn dawk l-uffiċjali pubbliċi kollha li huma inkarigati mis-servizz tal-liġi u li huma inkarigati fost oħrajn miż-żamma tal-ordni pubblika,” tenna l-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport