Tuesday, December 3, 2024

Il-PM jgħid li s-soċjetà kollha għandha tieħu sehem fit-tfassil tal-viżjoni futura għal Malta

Aqra wkoll

Il-Prim Minsitru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna li l-Gvern qed jimxi lejn waħda mill-iktar miżuri proattivi li qatt saru bil-Viżjoni Malta 2050 minħabba li kull ministeru se jkun involut fit-tfassil tal-policies futuri għall-pajjiż, b’miri speċifiċi għall-2035 u viżjoni li tagħti direzzjoni ċara sal-2050.  Spjega kif kull settur se jaħdem flimkien u stieden lis-soċjetà biex tieħu sehem fit-tfassil tal-viżjoni futura għal Malta, biex bħala pajjiż naraw fejn irridu naslu sa 25 sena oħra.

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni fil-Kunsill Lokali tal-Fgura, bit-tema ‘Lokalitajiet li rridu Ngħixu fihom’, il-Prim Ministru tkellem dwar ir-realtajiet li qed ikollhom ċerti lokalitajiet.  Qal li l-Kunsilli Lokali għandhom jissaħħu biex il-Kunsilliera kollha jkunu jistgħu jwettqu iktar ħidma għall-ġid tal-lokalità. 

Il-kelliema ewlenin fid-diskussjoni, is-Sindku tal-Belt Olaf McKay, il-Perit Roderick Spiteri u l-Perit Antoine Zammit, tkellmu dwar il-bilanċ li jrid jintlaħaq bejn il-ħtiġijiet tar-residenti u tan-negozji, is-sens komunitarju fit-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tisbiħ tal-lokalitajiet, it-tnaqqis tal-karozzi mill-qalba tal-irħula u l-ibliet, il-ħolqien ta’ iktar żoni pedonali, inċentivi għat-trasport pubbliku, iktar miżuri fiskali li jħajru iktar nies jixtru djar antiki f’żoni urbani ta’ konservazzjoni, u ippjanar b’mod strateġiku fi proġetti meħtieġa fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.

Il-Prim Ministru qal li dawn id-diskussjonijiet qed isiru biex il-Partit Laburista jisma’ iktar lin-nies u l-kontribut li qed jingħata f’dawn l-attivitajiet minn diversi persuni li qed jagħmlu suġġerimenti u proposti differenti qed iwasslu għat-tfassil tas-soċjetà u l-komunitajiet li rridu għall-pajjiż. 

Ekonomija

Sport