Wednesday, May 15, 2024

Il-PM: “Se nonoraw l-impenn tagħna biex jinżamm il-prezz tal-enerġija b’mod stabbli”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem din il-kriżi umanitarja u għalhekk se nkunu magħqudin f’messaġġ wieħed u se nappoġġjaw fuq livell politiku il-passi li se jkunu qed jittieħdu, maġġorment qed nitkellem fuq is-sanzjonijiet. Se nkunu qed nonoraw l-impenn tagħna li nżommu l-prezz tal-enerġija stabbli.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista meta kien qed jiġi intervistat fuq ONE Radio fid-dawl tal-aħħar żviluppi u l-aggressjoni fuq l-Ukrajna.

“Ma jfissirx iżda għaliex se nibqgħu nisħqu fuq in-newtralità li nistgħu nibqgħu siekta meta naraw atroċitajiet u imwiet u għandna d-dover li bħala nazzjon nitkellmu u nagħmlu l-vuċi tagħna li tinstema. Se nisħqu fuq il-messaġġ tal-paċi – paċi kull fejn hemm it-tensjonijiet sew jekk fl-Afrika, jew l-Afganistan u naturalment fir-Russja u l-Ukrajna,” qal Dr Abela.

Żied jgħid: “Illejla se nkunu qed niltaqgħu l-mexxejja ewropej u l-messaġġ tagħna hemmhekk, u llejla beħsibni nagħmel intervent, favur il-paċi – dan huwa messaġġ konsistenti kull meta kien hawn dawn it-tip ta’ konfitti.”

Qal li minbarra li se jisħqu fuq il-paċi, se jikkundannaw din l-aggressjoni militari u jemmnu li f’dan is-seklu m’għadx hemm lok ta’ gwerer u dawn it-tip ta’ tensjonijiet. Sostna li l-paċi u l-ordni għandhom jirrenjaw mill-ġdid fiż-żoni li dalgħodu rajna li qed jiġu impattati.

Qal li minkejja li pajjiżna huwa wieħed ċkejken, xorta se jagħmel messaġġ b’saħħtu, iżda sostna wkoll li fl-istess waqt se jkun kategoritku u jikkundanna fejn hemm il-qtil tal-persuni. 

Tkellem ukoll dwar il-fatt li għamlu analiżi tas-sitwazzjoni għax jafu li minkejja li dak li qed jiżvolġi huwa ‘l bogħod, xorta jista’ jkollu impatt partikolarment bis-sanzjonijiet.

Fost l-oħrajn semma settur tal-aktar tħassib li huwa rigward iż-żieda fil-prezz tal-materja prima, partikolarment fiż-żejt, il-gass u materja prima oħra.

Qal li l-ewwel impatt li raw kienet żieda fil-prezz taż-żejt, filwaqt li dik tal-gass issegwi b’mod awtomatiku. Semma li l-Unjoni Ewropea diġà qed tagħmel arranġament biex ikun hemm min jisspuplixxi l-gass minn sorsi differenti imma importanti ħafna għal pajjiżna li għandna diga ftehim fis-seħħ għall-provvista tal-gass naturali li se jiggarantixxi prezz stabbli.

Hawnhekk sostna li se jonoraw l-impenn li għamlu li jżommu l-prezz tal-enerġija stabbli. Dwar is-sanzjonijiet, qal li dawn se jiġu implimentati fl-intier tagħhom mill-gvern tagħna.

Rigward Maltin fit-territorju qal li jirriżulta li dawk li kienu hemm telqu mill-Ukraija qabel ma ngħalqu t-titjiriet kummerċjali u ma jidhirx li baqa’ Maltin f’dak it-territorju.

Il-pensjonanti ukoll għandhom għażla importanti bejn il-passat u l-futur

Il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jitkellem dwar il-proposti tal-Partit Laburista matul din il-kampanja elettorali. Tkellem dwar id-diskors tiegħu ġewwa l-Mellieħa fejn hemmhekk għamel enfasi fuq il-pensjonanti.  Qal li kellu l-opportunità jispjega li l-pensjonanti ukoll għandhom għażla importanti bejn il-passat u l-futur.

Qal li għalhekk hija għażla ċara u żied jgħid li għalhekk fil-manifest qed jgħidu minn issa kemm se tkun iż-żieda fil-pensjonijiet. Qal li dan għax mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed u spjega li din iż-żieda ma tinkludix fiha ż-żieda tal-COLA u lanqas tinkludi fiha meta jkun hemm dak il-mekkaniżmu l-ġdid. Spjega li l-€15 li qed jipproponu bħala żieda hija netta miż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

“Qed inkunu ċari aktar minn qatt qabel għax aħna nagħtu kelma u dik il-kelma nżommuha. Prinċipju ieħor li tant nemmnu fuqu hija s-sostenibbiltà. Kull meta għamilna miżura, sena wara sena nibnu fuqha.”

Irrrefera għall-fatt li dan kollu mil-lat finanzjarju jfisser li l-investiment fil-pensjonijeit se jħallaq is-somma ta’ €1 biljun. Dan ifisser €400 miljun aktar mill-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista.

Tkellem ukoll dwar il-miżura li se tingħata lill-first time buyers u qal li min hu bilgħaqal iridu jipremjaw u jinċentivaw il-bżulija. “Se nkunu qed inħallsu €1,000 fis-sena lil first time buyers mill-pagament tal-loan tagħhom għall-ewwel għaxar snin. Dan ifisser total ta’ €10,000 f’10 snin.” Qal li jekk il-poplu jagħtihom il-fiduċja, din il-miżura se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar.

Sport