Tuesday, April 23, 2024

“Il-PN għandu jieqaf jipprova jirbaħ punti politiċi mill-Covid-19” – il-PL

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jieqaf jipprova jirbaħ punti politiċi mill-Covid-19.

Fi stqarrija, il-PL qal li dan speċjalment meta suppost jaf li hemm rappreżentanti tiegħu stess f’diskussjonijiet li għaddejin bejn il-Partiti Politiċi, il-Kummissjoni Elettorali u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika bil-għan li jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-proċessi elettorali kollha inkluż dak sabiex min ikun kwarantina għall-Covid-19 ikollhom l-opportunità li jivvota fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Il-PL qal: “Fid-diskussjonijiet ħareġ ċar li kulħadd jemmen li din ir-realtà tkun indirizzata u m’hemmx dubju li l-gvern se jassigura dan anke fuq ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali. Iżda, għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista ried ikun popolist u partiġjan.”

Aktar qabel il-PN qal li l-Gvern għandu jressaq fil-Parlament dawk l-emendi meħtieġa biex persuni li jkunu jinsabu fi kwarantina jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jivvotaw.

Il-PN qal: “Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur jiddiskuti għal azzjoni mill-Kummissjoni Elettorali f’dan ir-rigward. Ir-realtá hi li n-numru dejjem jikber ta’ persuni li jinstabu pożittivi għall-Covid-19 u dawk li jkunu ordnati joqogħdu fi kwarantina qed jiżdied. Hu fatt ukoll li fi ftit ġimgħat oħra l-poplu Malti se jkun imsejjaħ sabiex jivvota f’elezzjoni ġenerali, l-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern sabiex mill-aktar fis ma jkomplix ikaxkar saqajh u jsib soluzzjoni.”

Sport