Saturday, December 21, 2024

IL-POPULIŻMU

Aqra wkoll

Il-populiżmu qed jerġa’ jissaħħaħ mal-Ewropa u dan lil hinn mit-tkabbir tal-kamp ta’ gvernijiet tal-lemin li rajna jiġri fl-aħħar żminijiet. Madankollu, niddubita kemm il-partiti populisti se jmorru tajjeb aktar mill-aħħar darba fl-elezzjonijiet Ewropej. F’dik tal-2019, deher kif l-elettorati tal-populisti jivvotaw f’elezzjonijiet nazzjonali imma mhumiex daqstant ħerqana għall-Ewropej.

B’ċertu mod, għandhom raġun. Is-saħħa reali biex tmexxi jew twaqqaf inizjattivi politiċi fuq skala Ewropea tinsab fil-livelli tal-Kunsill, kemm l-Ewropew, kemm tal-Ministri. Hemm is-saħħa tal-populisti x’aktarx tkompli tiżdied, mhux biss f’li jgħidu u jsostnu huma bħala grupp, daqskemm fil-mod kif qed jinfluwenzaw liċ-ċentru lemin jaddotta pożizzjonijiet qrib tagħhom.

Nara dil-ħaġa tiġri f’ħidmiet relattivament ċkejkna fejn il-Partit tal-Popli Ewropej (l-EPP) jallineja ruħu ma’ stqarrijiet populisti dwar l-ambjent u l-protezzjoni soċjali, ħaġa li sa sentejn ilu ma kienx jagħmel.

L-iżvantaġġ kbir tal-populisti fuq livell Ewropew hu li bejniethom jaqblu dwar kif għandhom jgħidu le imma mhux kif se joħolqu politika li tista’ titħaddem mal-Ewropa kollha.

TRASPARENZA MILL-MEDIA

L-argument li l-medja għandhom jingħataw ħelsien sħiħ biex jistgħu joperaw hu qawwi. Ma nafx kif tista’ tinnegah. Ir-riformi favur aktar trasparenza u protezzjoni tax-xogħol tal-ġurnalisti għandhom jiġu miftehma u mwettqa bl-akbar ħeffa possibbli.

Madankollu, naħseb li jrid ikun hemm rikonoxximent tad-dilemmi li jeħtieġ jiġu wkoll maħlula. Per eżempju dwar trasparenza. Il-ħelsien tal-medja hu mitqies bħala pedament għal trasparenza akbar fit-tmexxija tal-pajjiż. Dan minnu. Imma fl-istess ħin, prinċipju kardinali ieħor hu li l-ħidma li twassal fil-ġurnaliżmu biex jinkixfu l-barumbari għandha tinżamm strettament taħt sigriet professjonali. Hekk għandu jkun. Il-problema hi li dwar hekk, it-trasparenza bħala prinċipju daqstant mixtieq togħsfor.

Hemm kuntradizzjonijiet oħra.

MHUX GĦALL-BEJGĦ

Urtatni ħafna stqarrija li smajt (ma ngħidx minn min, ma ngħidx għaliex, ma ngħidx dwar xiex): “Il-problema bil-politikanti hi li jidhru li huma għall-bejgħ… u hekk hu!”

Diffiċli tinnega li uħud hekk huma, jew hekk jagħtuk x’tifhem. Imma li dan japplika għall-maġġoranza kbira tagħhom, ma naqbilx.

Li hemm minnhom li mhumiex jikkontrollaw tajjeb biżżejjed il-klijenteliżmu li jfawwar minn kullimkien, naqbel. Li uħud jirkbu fuq il-klijenteliżmu biex jibqgħu fil-wiċċ, naqbel ukoll – mingħajr ma naqbel li jagħmlu tajjeb: bogħod minn hekk.

Min-naħa l-oħra, li deputati u nies oħra fil-pulitika jiltaqgħu ma’ rappreżentati ta’ “lobbies” fl-industriji u fin-negozju, fit-trejdunjiniżmu, fl-oqsma tal-ambjent u tal-bini u tal-kaċċa u l-insib, tas-saħħa, tat-tmexxija ta’ Għawdex… u setturi oħra: dan hu parti mix-xogħol ta’ min jidħol għall-ħidma politika. Allaħares ħidma hekk ma ssirx. Bl-ebda mod ma tfisser li min jagħmilha hu għall-bejgħ.

Ekonomija

Sport