Wednesday, April 24, 2024

Il-President jiddiskuti ġrajjiet kurrenti fil-Mediterran ma’ studenti universitarji

Aqra wkoll

Il-President George Vella ddiskuta ġrajjiet kurrenti fil-Mediterran ma’ studenti minn Malta u minn pajjiżi oħra li bħalissa qegħdin jagħmlu l-kors ta’ M.A. fir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti u s-Sigurtà tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta. Id-diskussjoni ġiet organizzata fil-Palazz ta’ Sant’Anton miċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti, ċentru li twaqqaf dan l-aħħar fi ħdan l-Università ta’ Malta bl-għan li jsiru riċerka u prattika fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

Is-suġġetti diskussi inkludew sfidi ġenerali tal-Mediterran, is-sitwazzjoni fil-Libja u fl-Afrika ta’ Fuq, il-migrazzjoni permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali, kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-baħar u d-deżertifikazzjoni, il-kontribut ta’ Malta għad-diplomazija fil-Mediterran, u l-importanza tad-djalogu bejn twemmin differenti fil-Mediterran.

Il-President iddiskuta l-irwol ta’ Malta fil-Mediterran, il-kontributi tagħha, kif ukoll l-inizjattivi li qiegħda tieħu sabiex tgħin tindirizza dawn il-kwistjonijiet. L-irwol ta’ Malta fil-Mediterran huwa li tipprietka u tippromwovi l-paċi u, fuq kollox, tipprovdi assistenza minkejja l-limitazzjonijiet tagħha bħala pajjiż żgħir, qal il-President. Huwa spjega wħud mill-isfidi li pajjiżi individwali fil-Mediterran qegħdin jaffaċċjaw minħabba l-istorja u l-isfond politiku tagħhom, kif ukoll sfidi ġenerali oħrajn u l-effetti tagħhom fuq il-ħajja u l-politika ta’ dan ir-reġjun.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Libja, il-President spjega li huwa fl-interess ta’ Malta li naraw li l-Libja tistabbilizza ruħha, kemm sabiex fir-reġjun jerġa’ jkun hawn l-istabbiltà u s-sigurtà, kif ukoll għal raġunijiet kummerċjali bilaterali. Dan minbarra fatturi oħra, ewlenija fosthom il-migrazzjoni. Kull sena, miljuni ta’ persuni jirriskjaw ħajjithom biex jemigraw minħabba l-faqar u l-gwerra, u bil-ħsieb li jiksbu ħajja aħjar. F’dan il-każ, qal il-President, hija r-responsabbiltà tagħna li nsalvaw lil dawn in-nies u ngħinuhom isibu ħajja aħjar. Madankollu, aħna niddependu mill-għajnuna ta’ pajjiżi oħra tal-UE minħabba l-limitazzjonijiet tagħna. B’referenza għat-tibdil fil-klima, il-President Vella semma wħud mill-inizjattivi li Malta qiegħda tieħu sabiex iżżid l-għarfien dwar il-kwistjoni, u tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’diskussjonijiet madwar id-dinja.

L-istudenti tal-M.A. kienu mmexxija minn Dr Omar Grech, Direttur taċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti, li fl-aħħar tas-sessjoni interattiva ppreżenta pubblikazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti wara l-pandemija lill-President bħala ġest ta’ apprezzament.

Sport