Sunday, December 22, 2024

Il-President jiltaqa’ mal-membri tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis

Aqra wkoll

Il-President George Vella ltaqa’ mal-membri tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Għal din il-laqgħa kien ukoll preżenti l-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici.

Il-President Vella saħaq dwar l-importanza tal-professjonalità għal min jaħdem f’dan il-qasam u esprima sodisfazzjon li l-membri tal-awtorità kollha għandhom kwalifiki, għarfien u esperjenza wiesgħa fl-oqsma tal-mediċina, tal-psikoloġija, u professjonijiet oħra marbuta mas-saħħa. Huwa ħeġġeġ lill-awtorità biex taħdem b’mod serju, awtonomu u indipendenti. Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li ż-żgħażagħ isibu ambjent li jixprunahom lejn attivitajiet li jsaħħuhom fiżikament u mentalment u li bl-ebda mod ma jippromwovi l-użu tal-kannabis. Il-President spjega li fil-fehma tiegħu, l-awtorità għandha tieħu rwol attiv u titkellem u żżomm djalogu kontinwu ma’ dawk li esprimew tħassib serju dwar il-liġi kkonċernata. Il-President Vella saħaq b’mod partikolari dwar il-bżonn ta’ edukazzjoni wiesgħa dwar il-perikli tat-teħid ta’ sustanzi psikotropiċi.

Il-Ministru Owen Bonnici għarraf lill-President li f’diskussjonijiet li kellu mal-membri tal-awtorità, huwa saħaq dwar l-importanza li tiġi osservata l-liġi, filwaqt li tinżamm l-awtonomija tagħha. Huwa spjega wkoll li fil-preżent għaddejjin numru ta’ laqgħat ma’ esperti barranin u li se jkunu qed ikomplu jagħtu lill-awtorità qafas b’saħħtu biex tħaddem il-liġi.

Mariella Dimech, iċ-Chairperson tal-Awtorità, spjegat li se tkun qed tisħaq li jkun hemm serjetà assoluta f’kif se topera t-tmexxija tal-assoċjazzjonijiet, li tinkludi l-liċenzjar u r-riċerka. Spjegat ukoll li diġà daħlet fi djalogu ma’ gruppi li esprimew tħassib dwar din il-liġi u li għandha l-ħsieb tkompli dawn id-diskussjonijiet. Is-Sinjura Dimech qablet li l-edukazzjoni se tkun kruċjali u li tinsab sodisfatta li l-membri tal-Bord huma kommessi jaħdmu id f’id biex jippromwovu l-ġid tas-soċjetà.

Il-President Vella rringrazzja mill-ġdid lil dawk kollha preżenti u reġa’ saħaq dwar il-bżonn li l-awtorità tadotta metodi xjentifiċi u awtonomija fl-operat tagħha.

Ekonomija

Sport