Wednesday, December 25, 2024

Il-Presidenza Maltija tal-OSCE tiffoka fuq riskji għas-sigurtà mhux tradizzjonali, fosthom it-tibdil fil-klima

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Chairperson tal-OSCE Ian Borg indirizza s-Sessjoni Annwali tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE f’Bukarest, l-Erbgħa filgħodu.

L-Assemblea Parlamentari tal-OSCE tiġbor flimkien aktar minn 300 membri parlamentari minn madwar ir-reġjun tal-OSCE, sabiex tiffaċilita aktar djalogu bejn parlamenti differenti, tinkoraġġixxi iżjed diplomazija parlamentari u tmexxi ’l quddiem il-miri tal-OSCE lejn sigurtà komprensiva.

Iċ-Chairperson Borg enfasizza l-irwol importanti tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE, u faħħar l-impenn tal-membri parlamentari tagħha. “Intom is-sinsla demokratika tal-OSCE, u nixtieq nirringrazzjakom tal-ħidma, is-sehem attiv u l-ħsibijiet tagħkom,” qal il-Ministru.

Il-Presidenza Maltija tal-OSCE għas-sena 2024 tirrikonoxxi li l-organizzazzjoni jeħtieġ issaħħaħ l-abbiltà tagħha li twieġeb għall-isfidi li r-reġjun qed ikompli jiffaċċja. “Qed nistinkaw ukoll biex nindirizzaw sfidi tas-sigurtà mhux tradizzjonali,” spjega l-Ministru, hekk kif żied jgħid li, “dan l-impenn jinsab fiċ-ċentru tal-Presidenza Maltija, kif urejna permezz tal-Konferenza dwar it-Tibdil fil-klima li għamilna f’Malta fil-ġimgħat li għaddew, u l-Konferenza dwar is-sigurtà ċibernetika li se nospitaw f’Lulju li ġej.”

“Id-dimensjonijiet umani, ekonomiċi u ambjentali tas-sigurtà huma fil-qalba tal-vokazzjoni politika u parlamentari kollettiva tagħna. Għandna fiduċja fil-vuċijiet tagħkom, u l-leġittimità demokratika li jġibu magħhom, hekk kif inkomplu naħdmu biex nagħmlu lill-OSCE aktar reżiljenti u effiċjenti,” żied jgħid iċ-Chairperson.

Sadanittant, il-Ministru Borg tenna wkoll is-sejħa tal-OSCE lir-Russja biex ittemm il-ġlied fl-Ukrajna. “Qed nitolbu waqfien minnufih ta’ din il-gwerra, filwaqt li nsostnu d-determinazzjoni u l-impenn tagħna li nibqgħu magħqudin mal-poplu Ukren waqt dan iż-żmien ta’ tbatija,” kompla jgħid.

Wara li indirizza l-Assemblea, iċ-Chairperson Borg wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet mill-membri parlamentari. Bi tweġiba għal mistoqsijiet dwar il-qagħda fl-Ukrajna, spjega li l-OSCE qed tappoġġja lill-poplu Ukren permezz tal-Programm t’Appoġġ Speċjali, li jinkludi aktar minn 20 proġett ma’ msieħba Ukreni differenti, fosthom inizjattivi li jippromwovu s-saltna tad-dritt u l-libertà tal-istampa, kif ukoll oħrajn biex itaffu l-impatti aktar diretti tal-Gwerra, fosthom ħidma b’mine detectors biex jitneħħa kull periklu u l-ħsara ambjentali.

Malta bdiet 12-il xahar ta’ Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) f’Jannar, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.

Ekonomija

Sport