Il-prevenzjoni u l-għarfien huma essenzjali biex jiġu miġġielda l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri jisħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema jitkellmu u li l-postijiet tax-xogħol ikollhom strutturi adegwati biex jipprevjenu u jindirizzaw każijiet ta’ fastidju

Aqra wkoll

Id-dritt ta’ kull ħaddiem għal ambjent tax-xogħol sigur, dinjituż u ħieles mill-vjolenza u l-fastidju kien fiċ-ċentru ta’ seminar organizzat mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER), bit-tema “Safe and Dignified Workplaces for Women”.

F’dan is-seminar ħa sehem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, li waqt panel ta’ diskussjoni enfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, it-tisħiħ tal-għarfien u l-ħtieġa li persuni li jkunu qed jesperjenzaw xi forma ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol iħossuhom kunfidenti biżżejjed biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna.

Camilleri sostna li, minkejja l-progress li sar f’dan il-qasam, għad hemm bżonn ta’ aktar għarfien u sensibilizzazzjoni. Saħaq li l-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu mgħammra bl-għodod, il-politiki u l-istrutturi meħtieġa mhux biss biex jipprevjenu sitwazzjonijiet ta’ vjolenza u fastidju, iżda wkoll biex jindirizzaw b’mod xieraq u effettiv kull ilment li jista’ jitressaq.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU għamel referenza għas-sensittività ta’ każijiet bħal dawn u għall-importanza li kull allegazzjoni tiġi trattata b’serjetà, b’imparzjalità u b’rispett lejn il-persuni kollha involuti.

F’dan il-kuntest, huwa semma każ partikolari li ltaqa’ miegħu, fejn persuna kienet allegat li sofriet fastidju, iżda mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li kienet l-istess persuna li kienet qed twettaq l-aġir inkwistjoni. Spjega li sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jħallu impatt sinifikanti mhux biss fuq il-persuni involuti, iżda wkoll fuq l-ambjent tax-xogħol kollu.

“Is-sensittività tal-każijiet, ikunu ta’ liema tip ikunu, hi aspett li fuqu għad għandna ħafna x’nagħmlu, minbarra li nkomplu nsaħħu l-għarfien,” sostna Camilleri.

Huwa spjega li meta jitressqu allegazzjonijiet ta’ fastidju, huwa essenzjali li jiġu segwiti proċeduri ċari u ġusti, inklużi investigazzjonijiet xierqa u, fejn ikun meħtieġ, proċeduri dixxiplinarji. F’ċerti ċirkostanzi, il-każijiet jistgħu wkoll jiġu riferuti lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) jew lill-Pulizija.

Camilleri tkellem ukoll dwar ir-rwol tat-trejdjunjins f’sitwazzjonijiet delikati bħal dawn, fejn il-prijorità għandha tkun il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li jiġi żgurat li kull każ ikun trattat b’responsabbiltà u b’ġustizzja.

“Bħala trejdunjin, nippruvaw kemm jista’ jkun inżommu l-armonija bejn iż-żewġ naħat u naraw kif nistgħu nindirizzaw is-sitwazzjoni. Madankollu, wieħed irid joqgħod attent, għaliex mhux kollox jista’ jiġi kkontrollat,” qal Camilleri.

Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li jinżamm bilanċ fl-evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni, filwaqt li ssir distinzjoni bejn każijiet li effettivament jikkostitwixxu fastidju u sitwazzjonijiet oħra ta’ kunflitt jew nuqqas ta’ qbil fuq il-post tax-xogħol.

Il-GWU tibqa’ tisħaq li l-prevenzjoni, l-edukazzjoni u d-djalogu huma fundamentali biex tinbena kultura ta’ rispett u dinjità fuq il-post tax-xogħol. Fl-istess waqt, huwa essenzjali li kull ħaddiem ikun jaf id-drittijiet tiegħu u jkollu aċċess għal mekkaniżmi siguri u kunfidenzjali biex jirrapporta kull forma ta’ vjolenza jew fastidju, mingħajr biża’ ta’ riperkussjonijiet.

Il-messaġġ tal-GWU jibqa’ ċar: kull ħaddiem għandu dritt għal ambjent tax-xogħol fejn iħossu sigur, rispettat u protett.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport