Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg żar iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, fejn ġie stabbilit l-ewwel ċentru komunitarju f’Malta ddedikat għas-saħħa mentali perinatali. Iż-żjara enfasizzat ukoll l-introduzzjoni gradwali tal-Programm Nazzjonali ta’ Screening tas-Saħħa Mentali Perinatali, li jsaħħaħ l-identifikazzjoni bikrija u l-aċċess għall-kura.
“Bi pjaċir rajt kif il-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru Ċensu Moran u s-servizzi tas-saħħa mentali qed tagħmel il-kura u l-assistenza dejjem aktar aċċessibbli. Irridu niżguraw li d-diversi dipartimenti u entitajiet fi ħdan is-servizz nazzjonali tas-saħħa jaħdmu flimkien biex jagħtu l-appoġġ lil dawk kollha li jeħtiġuh,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Iċ-ċentru joffri assessjar, trattament u appoġġ speċjalizzat lil nisa li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali waqt it-tqala u fl-ewwel sena wara t-twelid. Dawn jinkludu ansjetà, dipressjoni, trawma marbuta mat-twelid u diffikultajiet ta’ adattament għall-ħajja bħala ġenituri.
Minn meta s-servizzi bdew jingħataw minn dan iċ-ċentru fi Frar 2026, saru madwar 1,200 appuntament li għalihom attendew ommijiet, missirijiet u t-trabi tagħhom. Il-faċilità tinkludi kmamar għall-konsultazzjonijiet u kamra sensorja għat-trabi, maħsuba għall-assessjar u interventi speċjalizzati fir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal.
“Minkejja li għadna fil-bidu ta’ dan il-programm, diġà qed naraw parteċipazzjoni inkoraġġanti fl-iscreening. Nappella lil dawk li jirċievu l-istedina biex ma jibżgħux jaċċettawha u jieħdu dan il-pass importanti biex jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom,” qalet Roseanne Camilleri, Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali.
It-tim jiġbor professjonisti mill-oqsma tal-psikjatrija, il-qwiebel, l-ostetrija, it-terapija okkupazzjonali, il-psikoloġija u l-ħidma soċjali. Flimkien, dawn jipprovdu kura koordinata skont il-ħtiġijiet tal-persuna u tal-familja.
“Għalkemm it-tqala u t-twelid jistgħu jkunu żminijiet sbieħ, huma wkoll perjodi li fihom jiżdied ir-riskju ta’ diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu ttrattati u hemm servizzi li joffru kura u appoġġ. Għalhekk nappella lil kull min ikun għaddej minn dawn l-esperjenzi biex ifittex l-għajnuna,” qal il-Professur Anton Grech, Chairman Kliniku tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali.
Il-programm nazzjonali ta’ screening beda jiġi introdott f’nofs Awwissu 2026 u bħalissa qed jirċievu invit għalih in-nisa kollha tqal permezz ta’ kwestjonarji diġitali fuq il-pjattaforma myHealth. Huwa ppjanat li jiġi estiż għall-ommijiet fl-ewwel sena wara t-twelid, kif ukoll għall-missirijiet u partners.
Bejn it-18 ta’ Awwissu u t-18 ta’ Settembru, inħarġu 940 stedina u tlestew 225 screening. Ir-riferimenti jiġu evalwati għall-prijorità fi żmien 24 siegħa, bil-kura sussegwenti organizzata skont il-ħtieġa klinika u l-urġenza.

