“Huwa ta’ sodisfazzjon li bħalissa r-Reġistru Malti jgħodd 10,853 bastiment”- il-Ministru Chris Bonett

Aqra wkoll

“Huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jinnota li bħalissa r-Reġistru Malti jgħodd 10,853 bastiment, b’tunnellaġġ gross ta’ 94,407,629. Ir-Reġistru qatt ma kien kbir u b’saħħtu daqs illum.”

Iddikjara dan il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo. 

Il-Ministru Bonett spjega li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2021 u l-31 ta’ Lulju 2026, il-flotta rreġistrata taħt il-bandiera Maltija kompliet tikber kemm fl-għadd ta’ bastimenti kif ukoll fit-tunnellaġġ gross tagħha. 

Qal li matul dan il-perjodu ġew irreġistrati 4,466 bastiment, filwaqt li 2,791 bastiment tħassru mir-Reġistru, li jfisser żieda netta ta’ 1,675 bastiment. Fl-istess perjodu, il-Gross Tonnage tal-flotta żdied b’mod nett b’8,745,523 GT.

Il-Ministru irrimarka li f’termini ta’ għadd, l-akbar żieda kienet fil-kategorija tal-pleasure yachts, b’żieda netta ta’ 1,705 bastiment. Dan filwaqt li fil-kategorija tal-commercial yachts, kien hemm żieda netta ta’ 204 bastimenti. Min-naħa l-oħra, f’termini ta’ tunnellaġġ, l-aktar żieda sinifikanti kienet fil-container ships, fejn ġiet irreġistrata żieda netta ta’ 10,746,009 GT.

Tenna jgħid li n-numri juru wkoll li l-bidla fl-għadd ta’ bastimenti mhux dejjem tirrifletti l-bidla fid-daqs tal-flotta. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport