Joar Are Lyngaas, Norveġiż ta’ 37 sena residenti Għajnsielem ġie kkundannat 14-il sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li sena ilu kien ipprova joqtol raġel ieħor fl-istess lokalità li jgħix.
L-Ispettur Keith Xerri li kien investiga dan il-każ kien spjega quddiem il-Qorti li l-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Mejju 2025 fi Triq Fuq il-Għajn.
Hu kien mixli li pprova joqtol lil Richard Debrincat ta’ 43 sena, li kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi, liema ġrieħi ġew kkawżati b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Akkużi oħra kien jgħidu li l-imputat allegatament daħal f’residenza f’Għajnsielem li fiha wettaq xi ħsarat u li wettaq dawn ir-reati waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
In-Norveġiż kellu jgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera iżda l-prosekuzzjoni u d-difiża qablu li jekk jammetti jiġi kkundannat 14-il sena ħabs.
L-Imħallef Scerri Herrera qablet ma’ dan il-ftehim u minbarra li kkundannat lin-Norveġiż għall-imsemmija piena mmultatu wkoll €11 u ordnatlu jħallas €1,174 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti li tqabbdu dwar dan il-każ.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabono f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li d-difiża tmexxiet mill-Avukat Jacob Magri.

