Dan il-Gvern, kif diġà ilu jagħmel għal dawn l-aħħar 13-il sena u kif impenja ruħu li se jagħmel matul kampanja elettorali, se jibqa’ jżomm prezzijiet stabbli tal-elettriku u tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi.
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fil-Parlament meta kienet qed twieġeb mistoqsija Parlamentari li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Marilena Gauci. Il-Ministru Dalli enfasizzat li kif il-Gvern diġà ntrabat mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se jkomplu jħaddmu l-politika favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u “nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl.”
Fissret kif minkejja l-pressjoni li saret fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Żiedet tgħid li l-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Il-Ministru Dalli qalet ukoll; “Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika”.
Dwar dan is-suġġett, hija kompliet tisħaq fuq il-fatt li dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Qalet kif li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju, hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. Żiedet tgħid; “F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh”
Il-Ministru Dalli tenniet tgħid li; “Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna”

