Il-problema mhix dejjem il-Gvern. Xi drabi aħna wkoll

Jikteb Andre Buhagiar ...

Aqra wkoll

F’Malta għandna drawwa waħda li forsi rridu nerġgħu naħsbu fuqha: meta xi ħaġa ma tkunx sejra kif nixtiequ, l-ewwel mistoqsija tagħna tkun “X’se jagħmel il-Gvern?”

Ħafna drabi, bir-raġun li wieħed jgħid hekk. Il-Gvern għandu responsabbiltà, l-istituzzjonijiet għandhom responsabbiltà, il-Kunsilli Lokali għandhom responsabbiltà u fuq kollox l-awtoritajiet għandhom responsabbiltà. Meta triq tkun fi stat ħażin, meta servizz ma jaħdimx, meta jkun hemm dewmien jew meta politika ma tkunx qed tagħti r-riżultat mistenni, iċ-ċittadin għandu kull dritt jitlob tweġiba.

Hemm mistoqsija oħra li forsi ma tantx inħobbu nagħmlu: Jien x’qed nagħmel?

 Soċjetà ma tinbena qatt biss mill-Gvern. Tinbena minn kulħadd. Ma nistgħux jkollna ambjent nadif u mbagħad nitfgħu l-iskart fejn ma suppostx, ma nistgħux nilmentaw dwar it-traffiku u mbagħad insuqu mingħajr konsiderazzjoni lejn ħaddieħor, ma nistgħux nitkellmu dwar rispett u mbagħad inkunu l-ewwel nies li ninsultaw lil min ma jaqbilx magħna u ma nistgħux irridu komunitajiet aktar b’saħħithom jekk kull wieħed minna jgħix biss għalih innifsu.

Din mhijiex argument kontra l-Gvern. Hija argument favur aktar responsabbiltà minn kulħadd. Il-politika għandha tagħmel xogħolha. Għandha tippjana, tinvesti, tirregola u twettaq. Għandha tagħti servizzi pubbliċi ta’ kwalità u tkun responsabbli quddiem iċ-ċittadin.

Il-politika ma tistax tagħmel kollox. Il-Gvern ma jistax ikun responsabbli għal kull imġiba individwali. Ma jistax ikun hemm liġi għal kull sitwazzjoni u ma jistax ikun hemm uffiċjal wara kull persuna biex jgħidilha x’għandha tagħmel. F’soċjetà matura, ir-responsabbiltà ma tibdiex biss mill-awtorità. Tibda wkoll miċ-ċittadin. Dan japplika wkoll għall-politika lokali.

Kunsillier jista’ jisma’, isegwi każ, jagħmel pressjoni u jfittex soluzzjoni imma jekk il-komunità ma tipparteċipax, jekk in-nies ma jagħtux l-informazzjoni meħtieġa, jekk ma jkunx hemm rispett lejn xulxin u jekk kulħadd jistenna li xi ħadd ieħor isolvi kollox, il-progress isir ħafna aktar diffiċli.

Kunsillier mhuwiex persuna li għandu bastun maġiku. Huwa persuna li għandu jisma’, jifhem, isegwi u jaġixxi fejn għandu l-għodod biex jagħmel dan. Meta ma jkollux is-soluzzjoni f’idejh, għandu jkun onest biżżejjed jgħid hekk u jfittex min jista’ jgħin.

Dan l-istess prinċipju għandu jgħodd għar-residenti. Ma nistgħux niftakru fil-komunità biss meta jkollna problema. Il-komunità hija wkoll meta ngħinu lil anzjan li jgħix waħdu, meta nagħtu daqqa t’id lil ġar, meta nieħdu sehem f’attività lokali, meta nirrispettaw spazju pubbliku u meta nħallu lill-oħrajn jgħixu mingħajr ma nfixkluhom.

Forsi dan huwa wieħed mill-akbar sfidi li għandna bħala soċjetà: nerġgħu nibnu s-sens ta’ responsabbiltà kollettiva.

Ejja nkunu ċari. Iva, irridu Gvern li jagħmel xogħlu, irridu l-istituzzjonijiet li jkunu effiċjenti u irridu Kunsilli Lokali li jkunu aktar qrib in-nies. Iva, għandna nikkritikaw meta xi ħaġa ma tkunx qed taħdem imma l-kritika waħedha mhix biżżejjed. Jekk irridu bidla, irridu nkunu parti minnha.

Hawnhekk għandna bżonn nibdlu ftit il-mod kif nitkellmu dwar il-politika. Mhux kollox għandu jkun “il-Gvern kontra n-nies” jew “in-nies kontra l-Gvern”. Il-pajjiż huwa tagħna lkoll. Għandna drittijiet, iżda għandna wkoll obbligi, għandna nistennew servizzi tajbin, iżda għandna wkoll nagħtu l-kontribut tagħna u għandna nitolbu kontabilità, iżda għandna nkunu lesti nagħtu kontabilità wkoll tal-imġiba tagħna.

Il-politika tista’ toħloq il-kundizzjonijiet għal soċjetà aħjar imma hija n-nies li fl-aħħar mill-aħħar jagħtuha l-ħajja.

Il-problema mhix dejjem il-Gvern. Xi drabi hija s-sistema, xi drabi hija n-nuqqas ta’ ppjanar,u xi drabi hija deċiżjoni ħażina. Jekk inkunu onesti magħna nfusna, il-problema tkun ukoll aħna. Jekk irridu Malta aħjar, forsi minflok dejjem nistaqsu “x’se jagħmel xi ħadd għalija?”, għandna nibdew nistaqsu wkoll: “X’nista’ nagħmel jien?”

Bidla vera ma tibdiex biss minn Kastilja, minn Parlament jew minn Kunsill, imma tibda wkoll minna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport