Waqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien qiegħed jieħu sehem f’diskussjoni organizzata min-Nisa Laburisti fil-Furjana, mill-ġdid ħabbar sensiela ta’ proposti li huma kollha nklużi fil-manifest elettorali ta’ INT Malta.
Il-Prim Ministru Abela tkellem dwar l-importanza tal-kultura f’pajjiżna u għalhekk ħabbar li fil-leġiżlatura li jmiss se jiġi offrut taħriġ lill-artisti dwar in-negozju, inkluż gwida fuq l-amministrazzjoni tal-finanzi, ir-reklamar, prezzijiet u kunċetti legali bżonnjużi.
Ħabbar ukoll li start-ups ta’ artisti u kreattivi se jgawdu minn pakkett ta’ inċentivi maħluq apposta għalihom. Barra minn hekk se noħolqu digital lab li jagħti spazju lil digital creators u start-ups biex ikunu aktar innovattivi u jiżviluppaw l-ideat tagħhom b’mod ħolistiku.
Ma setax joqnos li waqt attività organizzata min-Nisa Laburisti l-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela ma jirreferix għal miżuri li se jkun hemm fil-manifest elettorali li jikkonċernaw lin-nisa.
Fil-fatt Dr Abela ħabbar li Gvern Laburista ġdid se jniedi l-ewwel strateġija dwar is-saħħa tal-mara u se nwaqqfu l-ewwel klinika tas-saħħa tan-nisa, iddedikata għal check-ups ġinekoloġiċi, u preskrizzjonijiet ta’ kontraċettivi.
Ħabbar ukoll li mediċini għall-endometriosis, l-adenomyosis u hormone replacement therapy se jiġu fuq il-formolarju tal-Gvern.
Fil-Furjana, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-dinja diġitali u dak kollu li ġġib magħha. Għal dan il-għan Dr Abela qal li l-Pulizija se tieħu rwol proattiv sabiex iżżid dawk li jissejħu online patrols u tieħu azzjoni fejn ikun hemm riskji. Dan il-kunċett għandu l-għan li jipproteġi tfal u persuni vulnerabbli minn forom differenti ta’ abbuż online.
Ħabbar li “se nassiguraw li l-vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jixhdu permezz ta’ video conferencing u l-proċeduri li jinvolvu lilhom jingħalqu fl-iqsar ħin possibbli,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Dr Abela qal li Gvern Laburista ġdid se jdaħħal liġijiet kontra image-based abuse u l-użu abbużiv tad-deepfake. Se nwaqqfu revenge porn helpline biex nagħtu appoġġ immedjat lil min jisfa vittma ta’ dan ir-reat kriminali.


