Friday, April 19, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza internazzjonali dwar il-Libja f’Pariġi

Aqra wkoll

F’Pariġi, Franza, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għall-Paris Peace Forum u ħa sehem f’konferenza internazzjonali dwar il-Libja fuq stedina tal-President ta’ Franza Emmanuel Macron.

Il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja, li nżammet il-Ġimgħa waranofsinhar, ġabret għadd ta’ mexxejja minn madwar id-dinja. F’intervent li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, saħaq dwar l-importanza li jsiru l-elezzjonijiet f’dan il-pajjiż u li r-riżultati ta’ dawn l-istess elezzjonijiet ikunu rispettati. Tenna li dan għandu jkun proċess immexxi mill-poplu Libjan għax hekk biss il-poplu jħossu tiegħu u l-implimentazzjoni tkun waħda effettiva.

Fl-istess ħin, qal il-Prim Ministru, il-komunità internazzjonali, b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien bħal Malta, għandhom rwol kruċjali fil-proċess ta’ paċi u l-iżvilupp tal-pajjiż u tenna li din l-għajnuna għandha titkompla fiż-żmien li ġej.

Filwaqt li faħħar l-isforzi li saru sa issa biex tiżdied l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Libja, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Libjani biex iħaddnu aktar il-valuri tal-komunità internazzjonali u jagħqdu l-istituzzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi sabiex issir distribuzzjoni trasparenti u ekwa tar-riżorsi u tas-servizzi pubbliċi Libjani.  

Ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u r-rijunifikazzjoni tal-istituzzjonijiet ser ikunu l-pedament li fuqu Libja se tibni l-ġejjieni tagħha, sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-President Franċiż Emmanuel Macron tal-inizjattiva li jorganizza din il-laqgħa u tenna li r-riżultati ta’ din il-konferenza għandhom jgħinu biex tingħata spinta ’l quddiem u ssir it-tranżizzjoni demokratika fil-Libja.

Intant, tul il-jum tal-Ħamis il-Prim Ministru attenda għaċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ tal-Paris Peace Forum li kienet indirizzata mill-Viċi President Amerikan Kamala Harris u mill-President Franċiż Emanuel Macron.

Matul il-forum, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-President Eżekuttiv tal-Paris Peace Forum Pascal Lamy, fejn iddiskutew l-għanijiet tal-forum flimkien mat-temi prinċipali ta’ din l-edizzjoni tal-forum.

Sport