Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li il-Gvern se jibqa’ tarka għal kulħadd għax Malta għalik

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ tarka għal kulħadd, ikun xi jkun il-maltemp barra minn Malta. Dr Abela qal li Partit Laburista fil-Gvern għamel minn Malta pajjiż ta’ suċċess u filwaqt li fi kriżijiet internazzjonali Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien jitfa’ l-piżijiet fuq il-poplu, Gvern Laburista baqa’ fuq in-naħa tan-nies u kompla jsostni s-sussidji, iżid it-tax cuts u saħansitra jagħti s-Super Bonus.

Waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Marsaxlokk, Dr Abela ġab kuntrast mal-mod kif qed jaġixxi l-Partit Nazzjonalista, li lanqas mhu kapaċi jmexxi l-finanzi tiegħu sewwa, fosthom billi jħallas lura ċ-ċedoli li kien issellef ftit tas-snin ilu, aħseb u ara kemm kien se jżomm mal-wegħdiet elettorali li għamel kieku ingħata l-mandat elettorali mill-poplu.

Il-Prim Ministru sostna li sakemm ikun hawn Partit Laburista fil-Gvern, is-sussidji se jibqgħu jingħataw, il-pensjonijiet se jibqgħu jiżdiedu, eluf ta’ romol se jieħdu pensjoni sħiħa u eluf ta’ nisa se jikkwalifikaw għal pensjoni għall-ewwel darba bit-trasferiment tal-bolol u t-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri se jibqgħu jingħataw sena wara l-oħra fost affarijiet oħra, filwaqt li bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kieku xejn ma kien ikun garantit. Semma kif Gvern Nazzjonalista kien ħalla l-pensjonijiet iffriżati, naqqas il-pensjoni tar-romol u ċaħħad lill-familji middle class miċ-children’s allowance.

Il-Prim Ministru rrimarka kif dan huwa Budget b’rekord fejn jidħol l-investiment soċjali, bl-akbar vot kapitali b’żieda ta’ kwart fuq din is-sena. Żied jgħid kif dan il-Budget se jkun qed jindirizza wkoll strateġija aġġornata għall-Intelliġenza Artifiċjali, riformi u bidliet fl-edukazzjoni, tisħiħ fil-ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku, proġetti fis-settur tas-saħħa u fl-infrastruttura ħadra, aktar aċċess għall-IVF, estensjoni tal-first-time buyer grant għal dawk li jisseparaw jew anzjani li jixtru propjetà iżgħar, kif ukoll estensjoni tal-ħinijiet tal-fast ferry u trasport bil-baħar.

Dr Abela tenna li l-miri tal-Gvern huma ambizzjużi, u fejn qabel konna nwettqu, issa rridu nwettqu iktar malajr, u filwaqt li fit-tliet leġiżlaturi ta’ qabel ilħaqna l-miri ekonomiċi issa se niffukaw iktar fuq il-kwalitá tal-ħajja. Il-Prim Ministru qal li n-nuqqas ta’ Pre-Budget document mill-Partit Nazzjonlista huwa ċertifikat ta’ inkompetenza, u nnota kif lanqas id-deputati tal-PN ma jaqblu bejniethom jekk humiex favur jew kontra s-sussidji fuq il-prezzijiet tal-fjuwil, dawl u ilma. Sostna li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-partit tal-awsterità, tal-inkompetenza u tal-kaos. Fuq in-naħa l-oħra, sostna li, għandek Gvern Laburista li reġa’ ngħata ċertifikat ieħor mill-Moody’s u mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li jkomplu mas-sensiela ta’ ratings pożittivi minn aġenziji u istituzzjonijiet internazzjonali.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li f’dan il-Budget ingħatat prova li t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu jiġġenera dawk il-fondi li pajjiż ikun jeħtieġ sabiex ikun jista’ jagħmel tajjeb għax-xokkijiet li jistgħu jolqtuh ħażin, bħall-pandemija, gwerer, u splużjoni globali fl-inflazzjoni. Żied jgħid li minn naħa l-oħra, pajjiżna baqa’ għaddej grazzi wkoll għaliex kellu l-poplu warajh, li fdah bir-raba’ mandat elettorali, li qed ipoġġi fuq il-Partit Laburista fil-Gvern responsabbiltà ferm ikbar.

Dr Abela temm id-diskors tiegħu billi wiegħed li se jkompli jaħdem għal kulħadd għaliex warajh kien hemm “intom li dejjem emmintu fil-politika ekonomika progressiva ta’ dan il-moviment”. Sostna li min se jibda l-ħajja, min irid jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u min ħaqqu jgawdi wara snin ta’ ħidma, ‘Malta Miegħek’ se tkun warajh għaliex il-Partit Laburista fil-Gvern huwa garanzija ta’ futur aħjar għall-pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport