Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li l-gvern qed iniedi pjan komprensiv għall-futur mibni fuq il-benesseri tal-individwu u fuq politika li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru. F’diskussjoni li saret fil-Pjazza tal-Birgu, huwa ħabbar miżura tal-introduzzjoni ta’ personalised budget għal persuni b’diżabilità ta’ 18-il sena ’l fuq, fejn esperti se jfasslu programm finanzjarju individwalizzat skont il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ kull persuna biex jgħinuha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.
Huwa żied li Gvern Laburista se jkompli jsaħħaħ l-indipendenza billi jżid l-għajnuna għal persuni b’diżabilità biex isiru sidien ta’ darhom, bi grant li jiżdied minn €10,000 għal €20,000 għal min jixtri l-ewwel proprjetà. Fl-istess waqt, l-iskema tal-gyms b’xejn se tiġi estiża biex tinkludi wkoll persuni li jbatu mill-Parkinson’s u Alzheimer’s. Ħabbar ukoll li l-lezzjonijiet tal-għawm issa se jkunu offruti b’xejn għat-tfal kollha ta’ bejn it-3 u l-5 snin.
Il-Prim Ministru spjega li dawn il-miżuri huma parti minn pjan ibbażat fuq ħames pilastri, bl-ikbar enfasi fuq il-konsumatur u l-kwalità tal-ħajja. Huwa qal li kull proposta hija costed u se tkun akkumpanjata minn indikatur tal-benesseri biex jitkejjel l-impatt tagħha fuq il-ħajja tan-nies.
Huwa ta wkoll kuntest internazzjonali fejn il-prezz taż-żejt Brent laħaq $126 kull barmil u qal li filwaqt li pajjiżi oħra qed jiffaċċjaw żieda qawwija fil-prezzijiet u problemi ta’ provvista, Malta żammet prezzijiet stabbli tal-fjuwil u tal-elettriku grazzi għal sussidji sostanzjali. Huwa saħaq li dawn is-sussidji huma sostenibbli u essenzjali biex jipproteġu lill-familji u n-negozji u biex jinżamm l-istabbiltà ekonomika.
Il-Prim Ministru qal li l-gvern kompla jinvesti fis-settur tal-enerġija biex isaħħaħ ir-reżiljenza, inkluż permezz ta’ titjib fid-distribuzzjoni, żieda fl-enerġija rinnovabbli u investiment f’interconnectors ġodda ma’ Sqallija. Huwa ta garanzija wkoll dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.
Huwa temm jgħid li dan il-pjan huwa riżultat ta’ konsultazzjoni diretta man-nies u esperjenzi reali fil-komunità, u li l-għan hu li jinħoloq pajjiż b’opportunitajiet ikbar, aktar inklużività u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
Waqt din id-diskussjoni ħadu sehem ukoll Lisa Cassar Shaw, kandidata fuq id-9 u l-10 distrett, kif ukoll Remenda Grech, li qed tikkontesta fuq il-5 distrett, fejn it-tnejn qasmu l-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom dwar is-suġġetti diskussi.


