Friday, May 1, 2026

Jagħsar lill-ħaddiema

Aqra wkoll

F’Marzu 1523 il-kappillan tas-Siġġiewi, Don Amatore Zammit, akkuża lil Petrus Pachi bidwi sinjur u li kien jikri l-fewdu tat-Tabrija, ħdejn il-Baħrija li kien ħalliel. Qal li n-nies kien ilhom 12-il sena jilmentaw miegħu u jitolbuh iwissi lil Pachi li kien jisraqhom: jew għax iħallashom inqas minn ħaddieħor għax-xogħol li jagħmlulu jew għax iżommilhom aktar għoli minn ħaddieħor meta jixtru mingħandu.

Il-kappillan xehed fil-qorti li hu mhux għadu ta’ Pachi iżda kien kontra l-imġieba ħażina tiegħu u li qatt ma ried ibiddel ħajtu. Il-kappillan qal li Pachi kien ibiegħ il-kemmun 24 tareni meta ħaddieħor kien iżomm 13 biss. Dejjem kien ibiegħ il-qamħ, il-maħlut u l-qoton bil-prezz ta’ 25% ogħla minn ħaddieħor.

Meta jmur iqerr, Pachi kien iwiegħed lill-kappillan li se jagħti lura l-flus żejda li ħa. Imma qatt ma żamm kelmtu. Il-kappillan allura qatt ma aċċetta mingħandu l-ewwel frott u ħxejjex kif kienu joffru l-bdiewa lill-knisja. Il-kappillan ma riedx li jqarar jew iqarben lil Pachi għax kellu kuxjenza ħażina.

Biex ma jumiljahx quddiem kulħadd, il-kappillan kien jaċċetta l-flus li Pachi kien jagħti lill-knisja fil-ġabra tal-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd. Kien jgħidlu li ma jrid xejn mingħandu sakemm jibqa’ jqaxxar ħajjin lill-ħaddieħor, l-aktar lill-ħaddiema tiegħu.

Lill-ħaddiema tiegħu kien iħallashom nofs dak li jħallashom ħaddiehor. Kien iqabbad ċerti fqar biex jagħżqulu l-għalqa tal-qoton għal nofs ta’ nhar. Kien iżommhom siegħa jew iżjed aktar milli suppost u bil-kemm kien iħallashom ta’ xogħolhom.

Din il-ġrajja jirrakkuntaha Godfrey Wettinger f’ ‘AGRICULTURE IN MALTA IN THE LATE MIDDLE AGES’ (1982). Il-kappillan akkuża lil Pachi li lill-fqar ma kienx ibiegħelhom l-qamħ u x-xgħir bi prezz aktar baxx kif jagħmel ħaddieħor. Kien jaħżen dan il-qamħ u x-xgħir sal-Milied meta kienu jiskarsaw u mbagħad kien ibiegħom ħafna ogħla minn ħaddieħor. Jekk xi bhejjem kienu jidħlu fl-għalqa fejn ikabbar il-qamħ u x-xgħir, lir-raħħal kien iżommlu erba darbiet iżjed milli suppost tal-ħsara li għamlulu.

Fl-14 ta’ Diċembru 1502 il-kappillan Zammit kien diġà akkuża lil Pachi li mmalafamah waqt il-quddiesa u għajru “skumnikat’. Pachi dejjem ċaħad l-akkużi kollha tal-kappillan. Anki li qal li l-isqof ta’ Malta m’għandux poter jiskomunikah u li l-Papa biss jista’ jagħmel dan. Ċaħad ukoll li qal, donnu ma jimpurtahx x’se jiġrilu wara li jmut, li “Hekk jew hekk, imur fejn imur, il-Ġenna jew l-Infern, se jsib in-nies hemmhekk.”

Mill-alla Amun

Il-Maltin twieldu mir-relazzjoni ta’ bejn l-alla Eġizzjan Amun u grupp ta’ nisa Griegi Biżantini minn Sqallija. L-alla Eġizzjan Amun kienu jqimuh 4100 sena ilu. Kienu juruh b’ras ta’ muntun għal-qawwa sesswali tiegħu biex iwelled u jagħti l-ħajja. In-nisa Griegi Biżantini kienu jgħixu Sqallija għal 700 sena, mis-seklu 5 sas-seklu 12 meta n-Normanni rebħu lill-Griegi u bdew jaħkmu lill-Isqallin.

Bartolomeo de Neocastro jgħid dan f’ ‘Historia Sicula’ li kiteb fl-1294 dwar l-istorja ta’ Sqallija bejn l-1250 u l-1293 li fiha jsemmi lill-gżejjer Maltin. Huwa kien minn Kalabrija u serva bħala mħallef f’Messina fis-seklu 13. Jirrakkonta li l-ġrajja ta’ mnejn ġejjin il-Maltin kienu jgħiduha fil-gżira ta’ Ġerba.

Fiż-żmien li Bartolomeo de Neocastro kiteb ‘Historia Sicula’ l-istoriċi kienu spiss jivvintaw jew isemmu leġġendi dwar mnejn ġej il-poplu. Meta semma li l-Maltin ġejjin mill-alla Amun u n-nisa Griegi Biżantini ried jgħolli l-prestiġju tal-poplu Malti u jorbtu ma’ wieħed mill-allat l-aktar famużi tad-dinja antika.

Spiss miti u leġġendi bħal dawn kienu jintużaw biex jagħtu identità speċjali u divina, differenti u superjuri għall-popli ġirien li kienu nferjuri u barbari.

Il-leġġenda ta’ popli li twieldu mill-alla Amun kienet teżisti fost nies differenti fil-Mediterran. Kien jingħad li n-nies tal-gżejjer kollha bejn l-Afrika u Sqallija kienu ġejjin mill-alla Amun. Il-farawni tal-Eġittu kienu jiftaħru li ġejjin mill-alla Amun.

In-nies ta’ Ċirenajka fil-Libja kienu jgħidu li r-re tagħhom Iarbas kien iben Amun. It-tribujiet Lagwatani fil-Libja kienu jġorru statwa ta’ Gurżil, iben Amun, meta jmorru għall-gwerra, biex jgħinhom jirbħu. 2300 sena ilu Xandru l-Kbir tal-Maċedonja żar lill-Oraklu ta’ Siwa fl-oażi li jinsab bejn l-Eġittu u l-Libja u hemmhekk ġie dikjarat li hu iben Amun.

Illum it-testijiet tad-DNA juruna li m’aħniex ġejjin minn Amun. Lanqas m’aħna ġejjin mill-Feniċi kif intqal fin-’National Geographic’ fl-2004.

Studji ġenetiċi minn Alex Felice, Joseph Borg u Clint Mizzi tal-Università ta’ Malta juru li bejn 60% u 70% tal-Maltin tal-lum ġejjin minn nies li 978 sena ilu bdew jaslu Malta minn Sqallija u min-naħa t’isfel tal-Italja. Dawn it-testijiet urew li mill-Lvant Nofsani, inkluż mil-Libanu, t-taħlita ġenetika li ssawwarna hi xi 5% biss.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport