Għawdxi ta’ 31 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq fil-Qorti mixli b’akkużi relatati mad-droga.
Godwin Attard kien arrestat wara li l-pulizija kienet għamlet tfittxija fl-appartament u l-garaxx tiegħu fil-Munxar.
Il-pulizija kienu sabu borza li fiha kien hemm tliet qratas b’sustanzi suspettati eroina, kannabis u żewġ pilolli MDMA fil-kamra tal-banju, u notebook li allegatament jindika traffikar tad-droga fil-kamra tas-sodda tiegħu.
Minn tfittxija li saret fil-garaxx tiegħu, allegatament instabu 80 gramma oħra ta’ kanabis.
Attard kien mixli b’akkużi dwar pussess aggravat ta’ diversi tipi ta’ droga u anke ksur tal-libertà proviżorja.
Fil-Qorti, saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-akkużat allegatament kien kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-libertà proviżorja.
L-Avukati Difensuri argumentaw li Attard kien innoċenti sakemm jiġi misjub ħati u li l-ammont ta’ droga kkonfiskata fil-każ ma kienx wieħed sostanzjali.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €5,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Jonathan Pace. L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-akkużat.


