Sunday, December 22, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-immodernizzar taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi huwa turija kif is-servizz tas-saħħa qegħdin inkomplu nqarrbuh lejn il-familji. Bl-immodernizzar ta’ dawn iċ-Ċentri tas-Saħħa u bil-ftuħ ta’ community clinics madwar il-pajjiż, qegħdin nagħmlu rivoluzzjoni fil-qasam tal-kura primarja. 

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fl-inawgurazzjoni tal-immodernizzar taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. 

F’dan il-lokal, miċ-Ċentru tas-Saħħa, mhux biss jingħata servizz ġenerali ta’ kura primarja, iżda ser jingħata wkoll, fost oħrajn, servizz lill-pazjenti speċifikament fuq il-kura tad-dijabete, ċentru speċjalizzat li għall-ewwel darba ser joffri servizz lil persuni bid-dijabete minn tim multi-dixxiplinarju u jingħata care planpersonalizzat fl-istess jum. Ġiet ukoll installata, magna ġdida tal-Xray li tipprovdi riżultati malajr b’kwalità aktar ċara flimkien ma’ titjib fl-apparat mediku użat. Biċ-Ċentru tas-Saħħa sar ukoll aktar aċċessibbli, bl-installazzjoni ta’ lift u stairlift, aktar effiċjenti u aktar sigur b’control room ġdida. Il-ħaddiema issa għandhom ukoll faċilitajiet fejn jingħataw taħriġ kontinwu. 

Il-Prim Ministru sostna li dan hu li nkunu qegħdin infissru meta ngħidu li qegħdin ninvestu f’komunitajiet aktar b’saħħithom. B’investiment f’kull settur, minn skejjel ġodda u moderni, għal faċilitajiet sportivi għat-tgawdija tal-komunità, komunitajiet aktar siguri, ċentri għall-anzjani  u spazji miftuħa minflok binjiet, għal servizzi tas-saħħa bħal dawk f’Ħal Qormi li huma tal-ogħla livell u b’iktar riżorsi. Dan għaliex bħala Gvern, nemmnu li li m’hemmx komunitajiet ġusti jekk mhux li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kulħadd. 

Irrimarka kif fis-settur tas-saħħa dan il-Gvern investa u se jkompli jinvesti bil-kbir fiż-żmien li ġej. Matul iż-żjara li kellu f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa, il-ħaddiema esprimew sodisfazzjon għall-fatt li finalment, l-investiment ta’ €2.8 miljun li sar għal dan l-immodernizzar, issa ser isarrfuh f’kura aħjar għan-nies. Żied jgħid li dan is-settur bdilnih minn wieħed b’lista limitata ta’ mediċini għal żieda fil-mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, minn Ċentri tas-Saħħa mitluqa għal Ċentri tas-Saħħa state-of-the-art, minn servizzi li stajt tirċievi biss mill-isptar Mater Dei għal servizzi tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn darek. Community Clinics ġodda madwar il-pajjiż u servizzi ġodda fil-komunità marbuta mas-saħħa mentali. 

Il-Prim Ministru kkonkluda li dan kollu qed isir għax pajjiżna huwa b’saħħtu u kapaċi jsostni l-investiment. 

“Meta nitkellmu b’investiment fin-nies, dan li nkunu qegħdin ngħidu. Pajjiż li kapaċi jinvesti fl-aqwa apparat, fl-aqwa għodda għall-pazjenti tagħna. Fuq kollox pajjiż bl-aqwa professjonisti, minn kirurgi għal tobba u anki infermiera, li qegħdin inkomplu ninvestu fihom, li finalment ifisser li s-servizz ikun aħjar. Għalhekk, b’dak li qegħdin inwettqu flimkien f’dan is-settur qegħdin nassiguraw Malta b’Saħħitha għall-ġid tal-komunità.” 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif permezz tar-rinovar li sar fiċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Qormi, issa ser ikunu qed jiġu offruti xejn inqas minn 23 servizz tal-ogħla livell għan-nies li jgħixu f’Ħal Qormi kif ukoll fil-madwar. Spjega kif il-Ministeru qed jaħdem u jesplora toroq ġodda biex ikompli jżid l-aċċessibilità tal-pazjent fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Sostna li grazzi għal dan l-investiment qed inkomplu naraw l-impenn tal-Gvern li jilħaq kisbiet ta’ eċċellenza sabiex jassigura li s-servizzi kollha fil-qasam tal-kura tas-saħħa primarja jkunu tal-ogħla livell u tingħata l-aqwa kwalità possibbli.

Il-programm ta’ modernizzazzjoni u titjib fil-kura tas-saħħa primarja u l-kliniċi fil-komunità huwa appoġġjat mill-għotja ta’ €10 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). 

Akkumpanjaw lill-Prim Ministru u lill-Ministru, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento u l-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja għas-Saħħa Roseanne Camilleri.

Ekonomija

Sport