Wednesday, December 25, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq l-immigrazzjoni rregolari bħala sfida komuni f’Summit tal-Komunità Politika Ewropea f’Budapest

Aqra wkoll

“L-immigrazzjoni rregolari hija sfida komuni li lkoll qed naffaċċjaw u dan il-fenomenu jista’ biss jiġi miġġieled jekk naħdmu flimkien f’din il-komunità u ma’ pajjiżi li jmissu mar-rotot migratorji ewlenin.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt is-summit tal-Komunità Politika Ewropea li ttella’ f’Budapest fl-Ungerija, li l-għan tiegħu huwa li jixpruna djalogu importanti u effettiv bejn is-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra li jinsabu fil-kontinent Ewropew.

Filwaqt li tul dan is-Summit ġew diskussi bi prominenza s-sigurtà fl-Ewropa b’rabta mal-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, ir-riżultat elettorali fl-Istati Uniti, il-kunflitti fl-Afrika u l-ekonomija globali b’enfasi fuq l-enerġija, it-trasport u l-informatika, ngħata importanza wkoll is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari.

Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela wassal messaġġ b’saħħtu dwar ir-realtajiet li jaffaċċjaw pajjiżi bħal Malta u b’hekk l-importanza li din l-isfida tiġi miġġielda b’rieda politika qawwija minn kulħadd.

“Dan huwa fenomenu kumpless u ma hemmx soluzzjoni waħda. Għalhekk irridu numru ta’ miżuri u inizjattivi minn aġenziji u imsieħba differenti li jridu jkunu mgħejjuna wkoll minn finanzjament b’saħħtu. Miżuri nofs qalb mhux se jkunu biżżejjed.”

Kien hawn li l-Prim Ministru ppropona numru ta’ miżuri kontra l-immigrazzjoni irregolari fosthom komunikazzjoni aħjar ma’ immigranti prospettivi dwar ir-riskji tal-vjaġġi perijkolużi li jagħmlu, koperazzjoni u investiment f’pajjiżi importanti bħal-Libja u l-appoġġ biex jitkissru ċ-ċrieki ta’ kriminalità b’rabta mat-traffikar tal-bnedmin.

“Irridu nuru li għandna l-kontroll u rridu nagħmluha ċara li aħna ma naċċettawx traffikanti tal-bnedmin li jiddeterminaw huma min jidħol f’pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa għar-riżultat elettorali fl-Istati Uniti hekk kif Donald Trump ġie elett President. Filwaqt li mill-ġdid feraħ lill-President elett, Dr Abela sostna li l-Ewropa hija lesta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Istati Uniti filwaqt li flimkien magħha tasal għal għanijiet komuni.

“Naqbel mal-kollegi tiegħi li għalissa għandna nħallu s-sitwazzjoni tikkalma hekk kif l-affarijiet se jkomplu jiċċaraw fiż-żmien li ġej. L-għaqda u l-koperazzjoni se jkunu ċ-ċavetta għat-triq ’il quddiem. Irridu nirreżistu t-tentazzjoni li niżolaw ruħna għaliex hekk ikollna aktar x’nitilfu. Konna f’din l-istess pożizzjoni qabel, u b’hekk għandna nħarsu lejn l-esperjenza li għandna u nitgħallmu minnha”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport