Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport Matthew Vella, żar l-iskola tal-Alternative Learning Programme (ALP) f’Raħal Ġdid.
L-iskola tal-ALP toffri 16-il suġġett vokazzjonali, fosthom l-inġinerija, il-welding, il-mekkanika, taħriġ fl-elettriku, il-plumbing, il-hairdressing, l-ospitalità u l-agrikoltura. L-istudenti jagħżlu żewġ suġġetti vokazzjonali, filwaqt li jkomplu jistudjaw suġġetti ewlenin bħall-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u l-ICT.

Il-programmi edukattivi offruti jinkludu wkoll sitt ġimgħat ta’ esperjenza ta’ xogħol fl-industrija, bil-għan li l-istudenti jsaħħu l-ħiliet prattiċi tagħhom u jkunu mħejjija aħjar għad-dinja tax-xogħol jew għal aktar studji, fosthom fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (l-ITS).
Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-istudenti u l-edukaturi u ra mill-qrib il-ħidma li qed issir biex iż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet edukattivi li jirriflettu l-ħiliet, l-interessi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
“Mhux kull student għandu l-istess ħiliet, l-istess interessi jew l-istess aspirazzjonijiet. Iżda kull student għandu potenzjal u għalhekk irid jingħata l-opportunità li jiżviluppah. Għalhekk nemmen li s-sistema edukattiva tagħna trid tkompli toffri toroq differenti għas-suċċess, fejn it-tagħlim akkademiku u dak vokazzjonali jingħataw l-istess valur u rispett. Għalina, is-suċċess ta’ student ma jitkejjilx biss mir-riżultati akkademiċi, iżda wkoll mill-ħiliet li jiżviluppa u mill-opportunitajiet li jsib quddiemu,” sostna l-Prim Ministru.
Fil-fatt hawn il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif bħalissa għaddejja diskussjoni dwar jekk għandhiex titwaqqaf skola vokazzjonali fil-livell sekondarju, li toffri triq aktar ċara lil studenti interessati f’tagħlim prattiku u f’karrieri bbażati fuq il-ħiliet.
Intant, il-Prim Ministru rrefera għal aktar miżuri li jiffaċilitaw l-edukazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ fosthom dik li permezz tagħha l-allokazzjoni annwali disponibbli għall-kapijiet tal-iskejjel biex jgħinu studenti fil-bżonn żdiedet minn €10,000 għal €30,000.
Fl-istess waqt, Dr Abela sostna li l-Gvern qed ikompli jintroduċi l-Calming Spaces fl-iskejjel, spazji apposta li jgħinu lill-istudenti jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet tagħhom, inaqqsu l-istress u jsibu ambjent aktar seren li jgħinhom jikkonċentraw aħjar fuq it-tagħlim.
“Irridu sistema edukattiva li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura. Dan ifisser li mhux biss noħolqu aktar opportunitajiet, iżda nassiguraw ukoll li l-ebda tifel jew tifla ma jiċċaħħad minnhom minħabba ċ-ċirkostanzi tal-familja tiegħu jew il-ħtiġijiet partikolari li jista’ jkollu. Huwa għalhekk li qed insaħħu l-għajnuna diretta fl-iskejjel u ninvestu f’ambjenti li jagħtu prijorità lill-benesseri tal-istudenti,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru żar il-klassijiet, segwa sessjonijiet ta’ taħriġ prattiku u tkellem mal-istudenti dwar l-esperjenzi tagħhom, il-ħiliet li qed jiksbu u l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur.

