“Tgħidlix li qtiltu… Għejduli li għadu ħaj.” Hekk stqarr mal-pulizija l-Pollakk li jinsab mixli bil-qtil tal-Marokkin Abdellatif Oumakhlouf liema delitt seħħ fil-Ġonna ta’ Spinola f’San Ġiljan.
Dan intqal hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Sebastian Malinowski li qiegħed iwieġeb mhux ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq persuna li waslu għal mewt nhar is-27 ta’ Settembru li għadda.
Is-Surġent Fabian Caruana spjega quddiem il-Maġistrat li l-pulizija kienu rċivew telefonata għall-ħabta tas-6.05am fejn intqal li kien hemm raġel mitluq mal-art fil-Ġonna ta’ Spinola.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu dak li kien ġie rraportat lilhom kif ukoll wasal tim mediku b’ambulanza. Infermiera informat lill-pulizija li dan ir-raġel kien mejjet u għalhekk issejħu fuq il-post diversi investigaturi.
Intant xhud ieħor kien, l-uffiċjal tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li arresta lil Malinowski fejn spjega li l-pulizija kienu ngħataw deskrizzjoni tal-allegat aggressur, inkluż il-fatt li kien liebes qmis bajda, qalziet iswed u żraben bojod.
Aktar tard, l-uffiċjali lemħu raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni fiż-żona tal-bajja ta’ San Ġorġ.
Malli avviċinawh, Malinowski – li ġie deskritt bħala persuna li kien fi stat ta’ aġitazzjoni u paniku kbir – mill-ewwel qalilhom: “Skużawni, skużawni, naf x’ġara. Jekk jogħġobkom għiduli li ma qtiltux. Jekk jogħġobkom għiduli li ma mietx.”
Waqt il-kontro-eżami mill-avukat tad-difiża Franco Debono, l-uffiċjal tal-RIU kkonferma li Malinowski deher li kien qed iħoss rimors aktar milli rabja, kellu riħa ta’ alkoħol, u kellu tebgħa żgħira tad-demm fuq in-naħa t’isfel tal-qmis tiegħu.
Mara qalet lill-pulizija li rat lill-vittma jingħata daqqa ta’ ponn
Is-Surġent Caruana xehed li mara fil-ġonna qalet lill-pulizija li kienet rat raġel jagħti daqqa ta’ ponn lill-vittma, filwaqt li xhud ieħor kien irrekordja lill-allegat aggressur iġib ruħu b’mod stramb u jagħti daqqiet ta’ ponn fl-arja. Ix-xhud, madankollu, ma kienx ra l-allegat aggressjoni.
Il-pulizija wżaw ir-reġistrazzjoni biex jiksbu deskrizzjoni tas-suspettat, liema deskrizzjoni tqassmet lill-uffiċjali tar-RIU. Il-filmati wrew lir-raġel iġorr flixkun alkoħol, nuċċalijiet tax-xemx u headphones; dawn l-oġġetti aktar tard instabu f’landa taż-żibel fil-qrib.
L-avukat tad-difiża Nicholas Mifsud staqsa lil Caruana dwar iċ-ċirkostanzi li ppreċedew l-allegat aggressjoni.
Caruana kkonferma li xhud mara kienet irrapportat li rat lill-vittma jittieħed daqqa ta’ ponn, iżda x-xhud raġel – li kien irrekordja lill-akkużat iġib ruħu b’mod stramb – ma kienx ra l-allegat aggressjoni.
Meta mistoqsi jekk it-tim mediku mediku kienx ta xi indikazzjoni dwar il-kawża tal-mewt jew jekk il-vittma kienx taħt l-influwenza tax-xorb, Caruana wieġeb li huma kienu biss evalwaw il-kundizzjoni tiegħu.
L-Ispettur Christina Delia xehed li filmati tas-CCTV minn stabbiliment fil-viċin ikkontradixxew l-istqarrija ta’ Malinowski li l-vittma kien avviċinah iżda minflok, il-filmati wrew lill-akkużat miexi b’pass mgħaġġel lejn raġel u mara fil-ġnien.
Iż-żewġt irġiel dehru jiffaċċjaw lil xulxin qabel ma mxew ftit ’il bogħod mill-mara, u wara dan, ir-raġel li kien liebes ħwejjeġ skuri waqa’ mal-art. Imbagħad Malinowski deher ineħħi l-qmis bajda minn fuqu, jiġbor l-affarijiet tiegħu minn bank fil-viċin u jitlaq.
Deher ukoll jirritorna, iħares lejn il-vittma mindun mal-art, jgħaqqad idejh u jpoġġihom fuq rasu qabel ma reġa’ telaq.
L-akkużat kien taħt l-influwenza tad-droga fil-ħin tal-qtil; u dejjem ċaħad li kellu l-intenzjoni joqtol lill-vittma.
Waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, Malinowski qal li kien ilu Malta għal vaganza ta’ ġimgħa u li l-lejl ta’ qabel kien qattgħu jixrob f’diversi bars f’Paceville u fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Huwa ammetta wkoll li kien ħa xi droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Anthony Grech mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kelsey Bugeja, Christina Delia, u Stephen Gulia.
L-avukat Nicholas Mifsud u Franco Debono dehru għall-imputat filwaqt li l-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat nadia Helena Vella.

