Saturday, December 21, 2024

Il-problema tal-iskart mhix is-sistema imma aħna!

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn, 2 ta’ Jannar 2023, asistenja għal bidla fil-kollezzjoni tal-iskart domestiku ġewwa pajjiżna. Kienet bidla li permezz tagħha, il-Kunsilli Reġjonali bdew jamministraw il-kollezzjoni filwaqt li kellna wkoll introduzzjoni ta’ skeda ġdida f’dak li jirrigwardja l-kulur tal-borża.

L-iskeda l-ġdida ħasbet għal skeda waħda nazzjonali fejn nhar ta’ Tnejn, Erbgha u Ġimgħa tinġabar biss il-borża l-bajda (skart organiku), it-Tlieta u s-Sibt tinġabar il-borża s-sewda (skart imhallat), filwaqt li l-Ħamis tinġabar il-borża l-ħadra/griża (skart riċiklabbli). Il-ħġieġ se jibda jinġabar kull l-ewwel u t-tielet ġimgħa ta’ kull xahar.

Nammetti, li għall-bidu, għal ħafna, din setgħet kienet bidla li saru jafu biha ftit żmien qabel iddaħħlet fis-seħħ. Dan għaliex il-kampanja b’tagħrif dwar din il-bidla kienet bdiet lejn il-bidu ta’ Novembru 2022. Però minkejja li bdiet ftit ġimgħat biss qabel l-introduzzjoni tagħha, kienet waħda intensiva fuq kull mezz ta’ xandir jew stampa li wieħed jiltaqa’ magħhom. Illum ma nistgħux inġibu din l-iskuża għaliex issa qed nitkellmu aktar minn sena u nofs mill-introduzzjoni ta’ din l-iskeda. U allura mhux aċċettabbli li għad hawn ħafna residenti li jagħżlu li jiġu jaqgġħu u jqumu minn dan kollu u jibqgħu jagħmlu affarihom u joħorġu l-iskart tagħhom kif jidher lilhom biss.

Fuq nota pożittiva, fl-ewwel ġimgħat ta’ ġbir bl-iskeda l-gdida, rajna titjib fuq is-sena 2022. Titjib li baqa’ jiġi nnutat anki fix-xhur ta’ wara.

Dan kien juri u jikkonferma kif il-bidla li kienet qed issir kien pass fid-direzzjoni t-tajba u trid twassal biex jintlaħqu l-miri stabbiliti. Anki għaliex l-iskart tal-borza l-bajda meta jiddaħħal fl-impjant, jiġġenera ‘biogas’ li jiġi konvertit f’elettriku, li eventwalment jintefa’ fuq il-grid nazzjonali. Dan iżid l-ammont ta’ enerġija nadifa li jkun qed jiġġenera l-pajjiż. Dan huwa kollu pożittiv u hija turija li din għandha tkun it-triq ‘il quddiem.

Sezzjoni tal-poplu bla ebda sens ċiviku

Minkejja dan, għad hawn numru kbir ta’ nies li meta jfettlilhom, joħorġu l-borża s-sewda bla ebda rispett lejn l-iskeda, il-ġirien, il-Kunsilli Lokali u l-lokalità li jgħixu fiha. F’diversi lokalitajiet qed inqumu għal numru sostanzjali ta’ boroż suwed fuq il-bankini, anki mhux fil-ġurnata tagħhom. 

F’ċertu lokalitajiet dan l-ammont kien ferm akbar minn oħrajn u saħansitra kien hemm lokalitajiet fejn kważi r-residenti kollha donnhom ftehmu li ma jagħtu każ l-ebda avviż li sar u ma jimxux mal-iskeda l-ġdida. U mhu minnu xejn li għax il-kuntratturi mhux jagħmlu xogħolhom. 

Żbalji jsiru, okkażjonalment, boroż jitħallew mhux miġbura wkoll imma fil-parti l-kbira, meta tindaga ssib dak li qed ngħid, illi għad hawn nies li anki ftit minuti wara li jgħaddi l-kollettur, minkejja li jkunu jafu li diġà għadda, joħorġu xorta waħda l-iskart tagħhom. Imbagħad erħilhom ikunu minn ta’ quddiem biex iċemplu l-kunsill jirrapportaw li l-kollettur ma ġabarx l-iskart tagħhom.

Mhux gost u pjaċir tiegħi nitkellem hekk imma rridu nkunu ġenwini magħna nfusna u ngħidu dak li hu. Filwaqt li fil-maġġoranza l-kbira r-residenti jikkoperaw, oħrajn, għax jafu li m’hemmx infurzar b’saħħtu, jibqgħu jiġu jitmejlu minn kollox u minn kulħadd.

Dan huwa ardir ta’ min jaħseb li dan il-pajjiż jista’ jibqa’ jipprovdi kollox b’xejn. Minkejja li ħadd ma jħallas direttament għall-ġbir tal-iskart, dan ma jfissirx li dan jinġabar b’xejn jew li l-pajjiż mhux iħallas biex dan isir. Għal min ma jafx, il-pajjiż qed iħallas aktar minn 9 miljun ewro fis-sena biex aħna, bhala residenti, għandna l-lussu li ta’ kuljum, jiġi xi ħadd u minn fuq l-għatba taghna, jiġbor l-iskart li aħna nipproduċu. 

Pajjiżi oħra, kull resident iħallas għal kull kilo skart li tiġġenera l-familja tiegħu u ma jkunx il-Gvern li jħallas din l-ispiża. Imma donnu għal xi wħud minna, hekk irid isir biex nitgħallmu nkunu responsabbli u nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandu sens u responsabbiltà ċivika xi jġorr.

Nistgħu nsibu elf skuża biex ma nikkoperawx imma l-vera raġuni tkun li dak li jkun irid jibqa’ jwebbes rasu u ma jikkoperax mall-awtoritajiet u l-iskeda l-ġdida. Turija ta’ nuqqas ta’ sens ċiviku kbir minn numru ta’ residenti li għadhom mhux jifhmu li huma wkoll iridu jġorru parti mill-piż tal-iskart li huma stess jiġġeneraw. 

F’dan il-pajjiż għad hawn l-arja u l-ħsieb li kulħadd jista’ jiġġenera kemm irid skart, jista’ jħammeġ kemm irid għax hemm ħaddiehor inaddaf. Drajna f’kultura li jekk ma jiġix it-trakk sa wara l-bieb (jekk mhux fil-kċina), inħalli l-borża barra u jiġri minnha li jrid għax dik mhix tiegħi. 

Għandna kultura li jekk ma jtunix borża b’xejn, allura ma nisseparax għax dak mhux xogħli. Għadna b’mentalità li mill-għatba ‘l ġewwa biss huwa tiegħi imma mbagħad inkunu fuq quddiem nett sabiex inċemplu fuq kull programm ingergru li pajjiżna huwa maħmuġ, li l-Kunsill Lokali tagħna mhu jagħmel xejn, li qed nimtlew bil-ġrieden. Ħallina mbagħad ninfexxu fuq il-media socjali nitgħajru u niddieħku bis-sindku għax ma jafx iżomm kontroll tas-sitwazzjoni. Min jaħti ta’ dan xi Sindku jew President Reġjonali, li minn ħinhom qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jedukaw lin-nies jew aħna li nkomplu nagħmlu ta’ rasna jew li meta naraw xi ħaġa ħażina, nibqgħu siekta għax nibżgħu nitkellmu jew nirraportaw? Nammettu jew le li sirna kapaċi ħafna biex inperċu ritratti fuq il-media socjali imma mhux lesti nagħmlu l-parti tagħna billi nkunu parti mill-bidla li trid issir?!

Saħansitra għadna sal-lum, ikollok telefonati fuq il-media li b’sarkażmu jistaqsu min se jtihom il-borza b’xejn biex jisseparaw. Għax bħal dak li qallu, hix borża sewda, ħadra, bajda jew griża mhux xorta borża kuljum qed tikkonsma.

Il-fatt li pajjiżna huwa wiehed mill-uniċi fl-Ewropa li m’għandux taxxa fuq kull residenza għall-ammont ta’ skart li tiġġenera, li huwa wieħed mill-uniċi pajjiżi fl-Ewropa li għandu ġabra kuljum b’xejn minn wara l-bieb, li huwa fost l-inqas pajjiżi li jimmulta nies talli jabbużaw bir-rimi ta’ skart tagħhom, iġagħalni nikkonkludi li aħna bħala ċittadini, aħna l-aktar pajjiż imfissed fl-Ewropa fejn jidħol l-iskart.

Tirrabbja iva tara ħwienet tal-pastizzi bil-borża sewda quddiemhom f’ġurnata li fiha suppost tinġabar biss il-borza l-bajda. Titħasseb meta tara negozju rinomat li quddiem il-bieb tiegħu fuq il-bankina tara munzell kartun u boroż suwed f’ġurnata meta suppost tinġabar biss borża bajda. Tirrabja aktar għax dawn huma sezzjoni fil-katina ta’ nogozji li suppost kemm bl-iskeda l-antika u anki issa, dejjem suppost kellhom kuntrattur tagħhom li jiġbrilhom l-iskart, imħallas minn buthom. U dan m’għandux isir fil-ħin jew fuq ir-rotta tal-ġbir tal-iskart domestiku, kif kultant isir. Meta jsir dan, in-nuqqas huwa wkoll tal-kollettur. U hawn fejn iridu joqogħdu attenti aktar il-Kunsilli Lokali.

Mentalità li nista’ nagħmel li rrid għax ħaddiehor se jirrimedja floki hija mentalità bażwija. Nemmen iva f’kampanji edukattivi imma hemm limitu kemm dawn tista’ ġġebbed fihom. Pajjiżna jrid ikun aktar iddixxiplinat u rridu nifhmu kollha kemm aħna li kull wieħed u waħda minna għandu responsabbiltà u sens ċiviku xi jgorr. Le ma nistgħux aktar jimpurtana biss mill-bieb ‘il ġewwa. Le nistgħux aktar nirraġunaw li nistgħu niġġeneraw skart kemm irridu għax ma nħallsux għalih biex jinġabar. Le ma nistgħux naħdmu b’mod magħluq li l-aqwa li ħriġt il-borża u ma jinteressanix jekk ħriġtx il-borza t-tajba jew le. Ma nistgħux aktar niġu naqgħu u nqumu u nibqgħu nħalltu l-iskart fl-istess borża.

Ma jkunx ġust li l-impenn ta’ numru ta’ familji li jisseparaw l-iskart tagħhom, jintilef għaliex oħrajn ma jħossux dan is-sens ċiviku. Tiżbel meta tara fuq paġna ta’ residenti f’lokalità partikolari, attakki sfrenati fil-konfront tas-sindku u l-kunsill u l-istess lokalità tkun fost l-aktar li kellha boroż suwed.

Iva jrid ikun hemm kampanji edukattivi imma hemm bżonn ukoll infurzar b’saħħtu. Irid ikun hemm investiment fir-riżorsi umani ta’ nies mhux biss bħala kwantità imma wkoll kwalità. Irid ikun hemm sinerġija u kollaborazzjoni akbar bejn il-forzi tal-ordni kollha, sabiex jaħdmu aktar viċin il-Kunsilli Lokali u Reġjonali. B’xogħol aktar ikkordinat, naslu għal riżultati aħjar. Jekk hemm problema biex tinqabad persuna fil-fatt minħabba l-mod kif inhuma miktuba l-liġijiet mela ejja nistudjaw emendi li jagħmilha aktar faċli li min jabbuża, iħallas.

Huwa meħtieġ li l-Kunsilli Lokali jkollhom id-data aġġornata ta’ min huma l-amministratturi tal-blokok ta’ appartamenti fil-lokal tagħhom. Bħalma hemm bżonn ukoll reġistrazzjoni mal-Kunsilli Lokali ta’ sidien li jikru l-appartamenti tagħhom ‘short let’ fil-lokalità. Dawn huma imperattivi u jgħinu qatigħ biex tibda tiġi immaniġġjata aħjar din il-problema. Mekkaniżmi hemm. Metodi nsibu wkoll. Kemm l-Amministraturi tal-condominum kif ukoll is-sidien tas-‘short lets’ għandhom jibdew jinżammu responsabbli għall-għemil tal-klijenti tagħhom u mhux qegħdin hemm biss biex jagħmlu l-flus mill-propjetà bla ma jġorru l-ebda responsabbiltà.

Il-problema tal-iskart mhix problema tal-Gvern, Reġjun jew Kunsill Lokali. Hija problema tagħna lkoll u jekk mhux se nagħrfu dan u nibdew nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, dan il-pajjiż se jispiċċa miżbla waħda. Kieku kulħadd jerfa’ l-piż ċkejken tiegħu l-ħajja tkun aktar faċli għal kulħadd. Pajjiżna huwa dak li hu u jekk mhux se nibqgħu għalih aħna, mhu se jibżgħalna għalih ħadd.

Għalhekk nappella lil kulħadd sabiex jifhem l-importanza li nagħtu s-sehem tagħna. L-ambjent tagħna mhux biss dak li ngħixu fih fid-dar imma wkoll iż-żona immedjata fejn ngħixu u l-pajjiż b’mod sħiħ. Il-flus li qed iħallsu l-Kunsilli Lokali b’riżultat ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tajba, jistgħu jintużaw fi proġetti ferm aktar utli fil-lokalità.

Ekonomija

Sport