L-elezzjoni ġenerali se ssir fit-30 ta’ Mejju li ġej. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ lin-nazzjon illejla fejn qal li fi ftit tal-ġimgħat oħra, il-poplu se jagħżel lil min irid imexxih u hekk ikun jista’ jimxi ’l quddiem. Huwa mar ukoll għand il-President tar-Repubblika sabiex jagħtiha parir li xxolji l-Parlament u b’hekk jibda l-proċess li jwassal għall-elezzjoni ġenerali.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar ġimgħat għexna, u għadna qed ngħixu sitwazzjoni internazzjonali straordinarja mad-dinja kollha. Qal li sa tlitt ijiem ilu biss, il-Mexxejja Ewropej u Mexxejja oħrajn, ġew imsejħa f’Ċipru sabiex jitkellmu dwar din is-sitwazzjoni.
“Wieħed mill-aktar suġġetti ta’ tħassib għalina l-Ewropej, u għad-dinja kollha, hi s-sitwazzjoni tal-enerġija,” qal il-Prim Ministru. “Tkellimna fuq kif – fil-qalba tal-gwerra fil-Lvant Nofsani, hemm it-theddida li xi ħadd jagħlaq il-vit fuq il-bqija tad-dinja fil-provvista taż-żejt, tal-gass, tal-petrol u tad-diesel.”
“Din mhijiex sitwazzjoni ta’ xi ftit jiem, jew ftit ġimgħat, jew ftit xhur. Dak li qed ngħixu llum fuq livell internazzjonali qed isir in-normalità ġdida.
“Pajjiżna, dan kollu, laqa’ għalih. Illejla rrid nerġa’ nserraħ moħħ kulħadd li minkejja d-diffikultajiet kollha illi jeżistu, pajjiżna jinsab preparat,” qal il-Prim Ministru.
“Il-pjan tagħna ma jilqax għal-lum biss. Imma għas-snin li ġejjin. Pjan li bdejna naħdmu fuqu sew minn qabel beda dan l-inkwiet kollu. Pjan li jaħseb għal kull eventwalità,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Huwa nnota kif pajjiżi oħra ġirien tagħna qed iħarsu lejn lock-down tal-enerġija – jitfu d-dawl, ifaddlu l-fuels, jgħollu l-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Min-naħa l-oħra huwa qal li “l-pjan tagħna għalikom, ma fih xejn minn dan – anzi l-prijorità primarja tagħna hi li nkomplu nkunu t-tarka tagħkom – li nipproteġu lill-familji u n-negozji.”
Dr Abela qal ukoll li l-finanzi tal-pajjiż jifilħu sew għal din id-daqqa. Fl-istess waqt – saħansitra lħaqna l-miri finanzjarji tagħna bħala pajjiż qabel iż-żmien.
“Għalhekk – nista’ nagħtikom garanzija ta’ stabbiltà – garanzija li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-prezzijiet tal-fuels u tal-gass, se jibqgħu stabbli.
“Għax għandna l-għaqal, il-kompetenza, u l-esperjenza fit-tmexxija – faddalna mal-250 miljun ewro biex fil-mument tal-bżonn, il-pajjiż isib kaxxa mimlija.
“U dan il-bżonn reġa’ jinsab magħna llum. Flimkien, għelibna sfidi kbar fl-aħħar snin. Irnexxielna, għax konna ffukati – għax ħadna ħsieb xulxin. Għax emminna f’xulxin.
“Irnexxielna għax il-prijoritajiet tagħna dejjem kienu fil-post it-tajjeb: il-familji, in-negozji, iż-żgħażagħ, l-anzjani – l-Għawdxin u l-Maltin kollha.
“Irnexxielna wkoll – għax ħloqna u żammejna ekonomija b’saħħitha. Għax bqajna dejjem nemmnu f’mudell ekonomiku progressiv, u ma ċedejna l-ebda pressjoni li saret biex nixħtu l-piżijiet fuqkom.
“L-isfidi fl-ebda ħin ma naqsu. Imma xogħli dejjem kien li nara li intom ma titgħabbewx b’inkwiet żejjed. L-inkwiet ħalluh għalina. Gvern immexxi minni ser jibqa’ jkun it-tarka tagħkom,” qal il-Prim Ministru.
“Dejjem ħdimt għall-istabbiltà u ċ-ċertezza”
Dr Abela kompla jgħid li l-mument ta’ meta l-pajjiż għandu jagħżel il-Gvern għall-ħames snin li ġejjin kienet xi ħaġa li f’dawn l-aħħar ġimgħat taha l-ħsieb li kien jixirqilha. Spjega li kien naturali li ladarba l-Gvern beda l-aħħar sena tal-leġiżlatura tiegħu, id-diskussjoni dwar dan kienet se tkun waħda kontinwa.
“Dejjem ħdimt għall-istabbiltà u ċ-ċertezza – u aktar minn qatt qabel, huwa dak li għandu bżonn il-poplu Malti u Għawdxi. Pajjiżna jeħtieġ Gvern elett – b’mandat ġdid – iffukat biss fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż minħabba l-isfidi kollha li l-kuntest li qegħdin fih iġib miegħu – u x-xhur li ġejjin ser ikunu kruċjali,” qal il-Prim Ministru.
Huwa saħaq li r-responsabbiltà titlob minnu li jantiċipa dak li ser ikollu bżonn pajjiżna – kif għamel f’dawn l-aħħar 6 snin. “Li lil Malta npoġġiha l-ewwel u qabel kollox.
“Mas-serħan il-moħħ u l-istabbiltà, dejjem enfasizzajt ukoll li nibqgħu nwettqu l-pjan ambizzjuż għal Malta – illum miġbur fil-Viżjoni 2050. Għandna l-enerġija, l-entużjażmu u l-ideat ġodda għall-futur.
“Bħala Gvern wettaqna, u qed inwettqu proġetti kbar ħafna li jeħtieġ snin għalihom. Anzi wettaqna aktar minn dak li wegħidna.
“Jien irrid li nibqgħu noffru l-istabbiltà meħtieġa, jiżviluppaw kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi internazzjonali.
“Il-viżjoni mġedda tagħna hija msejsa fuq programm għall-ħames snin li ġejjin – proġett mill-iktar ambizzjuż. B’ideat ġodda. B’enfasi, aktar minn qatt qabel, fuq ħajja aħjar. Fuq il-wellbeing tagħkom.
“Proġett politiku li jagħtik is-serħan il-moħħ – bi Gvern li jkun miegħek f’kull pass tal-ħajja.
“L-enfasi tagħna ser tkun fuq il-kwalità tal-ħajja. Dik ser tkun il-prijorità ewlenija tagħna għas-snin li ġejjin,” tenna l-Prim Ministru. “Kif dejjem għamilna – ser nkomplu nwieżnu b’mod b’saħħtu lil min l-aktar li għandu bżonn.”
“Il-ħolma tiegħek se tkun il-proġett tagħna”
Huwa tenna wkoll li se joffru pjan fattibbli, studjat, ambizzjuż, iżda fuq kollox responsabbli. “Jien naf x’ifisser li tmexxi pajjiż, u xogħli li nibni fuq dak illi ksibna flimkien. Fil-ħin li ġej, ser inkellimkom f’aktar dettall dwar dan il-pjan.”
Dr Abela temm jgħid li jinsab ottimist li bir-rieda u l-esperjenza li għandhom, bit-tim kompetenti u ħabrieki ta’ madwaru, bil-politika li jħaddnu, u bil-fiduċja tan-nies warajhom, pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, b’saħħtu aktar minn qatt qabel.
“Magħna, tafu fejn qegħdin. U aktar minn hekk, magħna tafu fejn sejrin. Il-ħolma tiegħek, se tkun il-proġett tagħna. Int se tkun fiċ-ċentru tal-proposti tagħna għal Malta Aqwa. Għax int min int, inti s-suċċess ta’ dan il-pajjiż.
“Malta u Għawdex huma intom. Malta Suċċess, Malta mxiet ’il quddiem – għax INT MALTA,” temm jgħid il-Prim Ministru.


