Friday, April 26, 2024

Il-Pulizija tgħid li l-investigazzjoni dwar il-ħabs għadha għaddejja

Aqra wkoll

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-ħabs fi żmien meta l-Kurunell Alex Dalli kien Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dan sar magħruf fi tweġiba uffiċjali li ngħata talk.mt dwar jekk l-investigazzjonijiet ġewx fi tmiemhom. Dan fil-kuntest li fuq il-mezzi soċjali ngħad li l-Pulizija temmet l-investigazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

Ir-risposta li ngħatajna minn kelliem għall-Korp tal-Pulizija kienet li “l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u għalhekk mhux prudenti li nagħtu aktar informazzjoni.”

Sadanittant, b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet, il-Kurunell Dalli kien ukoll fetaħ libell lil sezzjoni tal-istampa fejn ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li kienu saru fil-konfront tiegħu.

Ta’ min ifakkar illi l-Awditur Ġenerali, f’rapport li għamel dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, innota sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa fl-istess waqt li rrikonoxxa li sar titjib notevoli anke fuq l-infrastruttura tal-ħabs.

Bħalissa għaddejja wkoll inkjesta ministerjali dwar l-operat tal-Faċilità, liema inkjesta kienet maħtura mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.

Sport