L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati żar id-Dar tal-Kleru fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ saċerdoti anzjani li tul ħajjithom qdew lill-poplu b’dedikazzjoni u mħabba. Matul iż-żjara l-Ispeaker kien milqugħ minn Fr Charles Cordina u mid-Direttur ta’ Dar tal-Kleru, Andre Vassallo Grant.
L-Ispeaker esprima r-rikonoxximent tiegħu lejn dawn is-saċerdoti li, għal snin twal, kienu preżenza ta’ faraġ, talb u gwida fil-ħajja ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin. Huwa qal li d-Dar tal-Kleru mhijiex biss dar ta’ mistrieħ, iżda post fejn tinżamm ħajja l-memorja sabiħa ta’ servizz, vokazzjoni u sagrifiċċju.
L-Ispeaker sostna li soċjetà turi l-qalb tagħha meta tiftakar, tirrispetta u tieħu ħsieb lil dawk li taw ħajjithom għall-oħrajn. “F’dawn is-saċerdoti naraw persuni li taw ħajjithom fis-skiet, iżda b’imħabba kbira. Għalhekk illum ridt inwassal kelma sempliċi iżda sinċiera: grazzi,” qal l-Ispeaker.
L-Ispeaker irringrazzja lil Fr Charles Cordina, lil Andre Vassallo Grant u lil dawk kollha li jaħdmu fid-Dar tal-Kleru għall-kura, l-għożża u d-dinjità li bihom jakkumpanjaw lis-saċerdoti anzjani fil-ħajja ta’ kuljum.

