Monday, December 9, 2024

Il-Viċi Sindku żagħżugħ tal-Kunsill ta’ San Pawl mhuwiex se jikkontesta

Carlos Zarb se jiffoka fuq karriera fil-qasam legali… Possibbiltà ta’ kandidatura għall-elezzjoni ġenerali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, ħabbar li mhuwiex se jikkontesta għall-elezzjonijiet li jmiss tal-Kunsilli Lokali. Zarb, li kien l-iżgħar kandidat f’isem il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjjonijiet tal-Kunsilli Lokali kien ġie elett mill-ewwel għal Viċi Sindku imma, minħabba l-età tiegħu, kien ingħata dan ir-rwol sentejn wara. Huwa li ħadem qatigħ b’suċċess għal titjib fil-lokalità li tiġbor fiha lil San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra, iddeċieda li jiffoka fuq karriera fil-qasam legali.

F’kumment li ta lil L-ORIZZONT Carlos Zarb qalilna li min-naħa tiegħu “nawgura lill-kandidati kollha għal dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u lill-Partit Laburista. Din kienet deċiżjoni iebsa imma, il-biben għall-politika għalija mhumiex magħluqa. Dan għax qiegħed inħares lejn il-possibbiltà ta’ kandidatura f’elezzjonijiet oħra, inkluża dik ġenerali”.

Tajjeb li nsemmu li Zarb, fost affarijiet oħra, kien il-mutur wara t-tnedija tal-By Law importanti biex ma jkunx hemm tlajjar u xorb fit-toroq taż-żona, kif ukoll biex isiru attivitajiet sportivi bħal Yoga u Volleyball bla ħlas għar-residenti kollha.

“Grazzi tal-appoġġ”

Zarb irrikorra għall-midja soċjali biex jgħarraf li mhuwiex se jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Ġunju li ġej. “Nammetti li ma kinitx għażla faċli speċjalment meta nħares lura u nara l-ħidma li wettaqna flimkien matul dawn il-ħames snin. Ir-raġuni prinċipali li waslitni għal din id-deċiżjoni hija li hekk kif wasalt lejn it-tmiem tal-istudji tiegħi, nixtieq niffoka fuq il-karriera fil-qasam legali u possibbilment anke għal opportunitajiet barra minn xtutna,” spjega l-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar.

Huwa qal li l-kelma grazzi ma tibdiex għall-appoġġ li wrewh in-nies tal-lokal u dawk kollha li ħadmu miegħu tul il-ħames snin li kien fil-Kunsill. “Bl-għajnuna tagħkom ktibt l-Istorja bħala l-ewwel żagħżugħ elett taħt it-18-il sena. Il-ħidma li wettaqna flimkien sarfet f’aktar fiduċja fiż-żgħażagħ. Inwegħdkom li se nibqa’ naħdem sal-aħħar ġurnata tal-mandat tiegħi u li l-mixja politika tiegħi mhiex se tieqaf hawn,” temm Carlos Zarb.

Ekonomija

Sport