Friday, January 31, 2025

Il-Viżjoni 2050 ħija wegħda li irridu nagħmlu magħna nfusna” – il-Prim Ministru Robert Abela

• 500 imprenditur u self-employed b’suggerimenti konkreti f’konsultażżjoni ta’ tlett ijiem fuq il-Viżjoni Malta 2050

Aqra wkoll

“Il-Viżjoni Malta 2050 mhiex biss pjan imma wegħda li nemmen għandna nagħmlu magħna nfusna bħala poplu Malti u Għawdxi”. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela fl-għeluq ta’ tlett ijiem ta’ konsultazzjoni minn 500 impenditur u self-employed bħala parti mill-proċess tal-ħolqien ta’ din il-viżjoni. Fl-għeluq tal-konvenzjoni li tlaqqgħet, Dr Abela sostna li Malta reżiljenti hija Malta li tista’ tegħleb l-inċertezzi globali filwaqt li tkompli tirnexxi mingħajr ħadd ma jaqa’ lura. Qal li l-progress ekonomiku jrid jissarraf f’titjib tangibbli fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Fl-indirizz li għamel spjega kif din il-viżjoni mhux ser tkun dokument statiku imma qafas ħaj, adattabbli għall-ħtigijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna.

Il-Prim Ministru faħħar l-iskambju ta’ ideat u esperjenzi fost dawk li pparteċipaw f’din il-konvenzjoni. Huwa tenna li biex pajjiżna jkompli jagħmel suċċess irridu l-isforzi ta’ kulħadd fosthom il-komunità tan-negozji li jesprimu fiduċja f’pajjiżna. Meta indirizza l-imprendituri preżenti, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jemmen fl-irwol importanti tal-imprenditur Malti bħala innovatur, li joħloq ix-xogħol u karrieri ta’ kwalità u katalisti tas-suċċess ekonomiku.

“L-impenn tagħkom huwa essenzjali biex din il-viżjoni tinbidel f’realtà. Flimkien nistgħu noħolqu Malta li mhux biss tilqa’ għall-isfidi ta’ għada imma tirnexxi fl-opportunitajiet li jġib miegħu l-futur”, qal il-Prim Ministru.

Indirizza wkoll s-sessjoni tal-għeluq tal-konvenzjoni il-Kummissarju Ewropew Malti għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, Kultura, Żgħażagħ u Sport Glenn Micallef li nnota l-importanza li pajjiż jifhem il-bidliet emerġenti u li jesplora l-possibbiltajiet tal-futur. “Mhuwiex dwar it-tbassir tal-futur, iżda dwar il-ġenerazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ fehmiet dwar il-futur. Fl-aħħarnett, il-previżjoni hija dwar it-titjib tal-kwalità tal-ħajja għal kull ċittadin. F’Malta u fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Irrid nifirħilkom li dan l-għan qed narah fil-qalba ta’ Malta Viżjoni 2050”, saħaq il-Kummissarju Ewropew Micallef.

Intant il-konvenzjoni kienet imqassma fuq tlett ijiem fejn ingħatat vuċi sħiħa lil dawk kollha li attendew permezz ta’ workshops li servew bħala fonti ta’ ideat lejn ħsibijiet għall-futur ta’ Malta. Il-workshops kellhom erba’ temi prinċipali: tkabbir ekonomiku dejjem iktar sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja, pajjiż li kapaċi jfendi għal rasu u ippjanar bi ħsieb.

Issa l-pass li jmiss fil-fażi ta’ konsultazzjoni huwa li fl-abbozzar ta’ Malta Viżjoni 2050, b’miri intermedjarji għal għaxar snin oħra, jittieħdu suġġerimenti li ħarġu minn dawn il-workshops. Din il-konvenzjoni kienet biss waħda minn serje ta’ metodi ta’ konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa fit-tfassil ta’ Malta Viżjoni 2050. Dawn jinkludu intervisti dettaljati u sondaġġi mal-pubbliku u konsultazzjonijiet ma’ msieħba soċjali. Wara t-tnedija tal-pilastri tal-viżjoni, il-konsultazzjoni titkompla bil-għan li kulħadd ikun parteċipi f’dan il-pjan ħolistiku li se jwettaq il-Gvern għal pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport