Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) se tibni impjant ġdid ta’ desalinazzjoni f’Għar Lapsi, li se jiżdied mal-impjant eżistenti u jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż li jipproduċi ilma tax-xorb nadif mill-baħar.
L-impjant il-ġdid, magħruf bħala Plant B, se juża teknoloġija favur l-ambjent biex ibiddel l-ilma tal-baħar f’ilma tax-xorb sikur u ta’ kwalità għolja għad-djar u n-negozji madwar Malta.
Dan il-proġett ta’ €35 miljun huwa parti mill-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment tad-WSC, programm ta’ aktar minn €400 miljun tul l-10 snin li ġejjin, biex tiġi żgurata provvista tal-ilma sostenibbli għall-pajjiż u titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq riżorsi naturali limitati ta’ l-ilma.
Ix-xogħol fuq il-fażi tad-disinn u l-kostruzzjoni huwa mistenni li jibda ladarba jintemm il-proċess tas-sejħa għall-offerti aktar tard din is-sena. Aktar dettalji dwar is-sejħa għall-offerti u r-rekwiżiti għas-sottomissjoni fuq www.etenders.gov.mt.

