Fi Stadio Olimpico, illum tintlagħab il-finali tas-77 edizzjoni tal-Coppa Italia bejn Atalanta u Juventus bil-għan li jirbħu t-tieni l-akbar unur fl-Italja.
Juventus jinsabu fi kriżi kbira minkejja li matul din il-ġimgħa irnexxielhom jikkwalifikaw għal UEFA Champions League wara nuqqas ta’ sena.
Bħalissa, it-team huwa nieqes mill-ideat u dan seta’ jiġi kkonfermat fil-logħba tal-Ħadd li għadda, f’darhom, kontra t-team diġá relegat ta’ Salernitana bil-logħba tintemm 1-1 hekk kif kien Adrien Rabiot li salva r-riżultat b’goal fil-91 minuta.
Iżda min-naħa l-oħra, il-Bianconeri se jipprovaw jikkonċentraw fuq din il-kompetizzjoni li kollox ma’ kollox ma kinitx daqshekk negattiva. Biex waslu s’hawn, huma għaddew mill-fażi eliminatorja apparti li rebħu lil Frosinone 4-0 u lil Lazio bl-aggregate ta’ 3-2.
Huma qed jimmiraw li jirbħu din it-tazza għall-15-il darba biex ikomplu jkabbru r-rekord tal-aktar team li żammha fil-vetrina tiegħu.
B’kollox, Juventus ikkontestaw 21 finali li minnhom ħarġu rebbieħa 14-il darba.
Min-naħa ta’ Atalanta, din se tkun is-sitt finali tagħhom. Fil-ħamsa preċedenti huma rebħuha darba biss, meta fl-1963, kienu għelbu lil Torino bl-iskor ta’ 3-1.
Huma tilfu l-erba’ finali l-oħra li kienu fl-1987 (v Napoli 0-1, 0-3), fl-1996 (v Fiorentina 0-1, 0-2), fl-2019 (v Lazio 0-2), fl-2021 (v Juventus 1-2).
Għaldaqstant l-aħħar finali tagħhom kienet proprju kontra Juventus u għalhekk illum se jkollhom l-opportunitá biex ipattu għal dan id-diżappunt.
Inċidentalment, dik kienet ukoll l-aħħar darba li l-Bianconeri għollew din it-tazza.
Dak in-nhar l-iskorers ta’ Juventus kienu Dejan Kulusevski (31) u Federico Chiesa (73) filwaqt li Ruslan Malinovskyi (41) kiseb id-draw momentarju għall-Bergamaschi.
F’dan l-istaġun, iż-żewġ timijiet iltaqgħu darbtejn fejn spiċċaw fi draws ta’ 2-2 u 0-0.
Bħalissa Atalanta għaddejjin minn mument hekk kif minbarra li jinsabu f’pożizzjoni tajba li jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League, fit-22 ta’ dan ix-xahar huma se jaffrontaw lil Bayer Leverkusen fil-finali tal-UEFA Europa League, f’Dublin, l-Irlanda.
Il-coach, Giampiero Gasperini, nissel fil-players tiegħu motivazzjoni u fiduċja kbira li din ġiet tradotta f’wirjiet mill- isbaħ fil-ground.
Fuq kulħadd spikka l-midfielder internazzjonali Olandiż, Teun Koopmeiners, li fil-kampjonat skorja 12-il goal. Teżisti wkoll possibbiltá li wara l-finali Ewropea jitlaq lill-club biex jingħaqad ma’ Liverpool.
Atalanta jistgħu wkoll jiftaħru li jippossjiedu t-tielet l-aqwa attakk fis-Serie A meta skorjaw total ta’ 65 goal.
Biex waslu sal-finali, fl-Aħħar 16 eliminaw lil Sassuolo 3-1, fil-kwarti-finali lil Milan 2-1 u fis-semi-finali lil Fiorentina fuq żewġ legs 0-1, 4-1.
Illum, Gasperini ma jistax jutilizza lill-imweġġgħin, Sead Kolasinac u Emil Holm, filwaqt li l-kontroparti tiegħu, Massimiliano Allegri se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Mattia de Sciglio, Alex Sandro u Danilo, li wkoll qed jirkupraw minn injury.
Il-logħba tibda fid-9.00 pm u tintwera diretta fuq Melita u GO.