Tuesday, April 30, 2024

Illum u għada dħul b’xejn għat-tfal fl-Esplora

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, qed jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal billi jipprovdi opportunità lill-istudenti u l-pubbliku biex jiltaqgħu ma’ riċerkaturi li qed jaħdmu fil-qasam STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) u b’hekk ikomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom dwar dawn is-suġġetti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, akkumpanjati miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando ltaqgħu ma’ studenti mill-iskejjel tal-gvern li kienu fuq żjara f’Esplora.

Il-Ministru Clifton Grima sostna li “din hija opportunità li żżid l-esperjenza tal-istudenti f’oqsma importanti tas-suġġetti STEM. Opportunità li jesperjenzaw hands-on dak li jkunu qed jitgħallmu fl-iskejjel. Aħna qed nagħtu importanza lil dawn is-suġġetti għaliex nemmnu li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom rwol importanti biex iħajjru iktar studenti jitħarrġu u jipprattikaw suġġetti STEM.”

Il-Ministru Grima temm jgħid li huwa opportun li din l-attività qed issir propju f’ġimgħa li tfakkar kemm il-Jum Internazzjonali tal-Istudent kif ukoll il-Jum Internazzjonali tat-Tfal, għaliex tolqot dirett lilhom.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li “Fil-Jum iddedikat lit-tfal, qegħdin niftħu l-bibien sabiex it-tfal tagħna jieħdu gost f’ċentru xjentifiku bħal dan, filwaqt li jedukaw ruħhom bl-attivitajiet imħejjija għalihom.”

Waqt iż-żjara tagħhom l-istudenti ltaqgħu ma’ xjentisti u tkellmu magħhom permezz tal-inizjattiva “Meet the Scientist”. Huma setgħu jifhmu aħjar x’jagħmlu r-riċerkaturi u kemm hija diversa x-xjenza. Preżenti kien hemm għaqdiet mhux governattivi fosthom Birdlife Malta u Sharklab u entitajiet oħra fosthom l-MCAST u Maritime MT. L-istudenti ltaqgħu ukoll ma’ membri mid-Dipartiment tal-Geo Sciences mill-Università ta’ Malta, kif ukoll ma rappreżentanti minn Ambjent Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Esplora se jiddedika dan it-tmiem il-ġimgħa sħiħ biex jiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal li matulu l-pubbliku jista’ jgawdi minn diversi attivitajiet filwaqt li jibbenefika minn dħul b’xejn għat-tfal ma’ kull adult li jħallas. L-offerta hija valida għat-tfal ta’ bejn tliet snin u 15-il sena, illum is-Sibt 19 u għada l-Ħadd 20 ta’ Novembru mill-10:00 sal-17:00. Għal aktar informazzjoni: https://esplora.org.mt/world-childrens-day/.

Sport