Imniedi proġett li se jara kunvent f’Ħal Kirkop jiġi konvertit f’Co-Living affordabbli 

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici flimkien mal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli ftit tal-jiem ilu ħabbru l-ewwel proġett tal-Fondazzjoni ta’ residenza tat-tip co-living li se jsir fil-qalba tal-komunità f’Ħal Kirkop.  Proġett se joħloq opportunità ġdida għal persuni li jixtiequ jgħixu b’mod indipendenti u affordabbli, filwaqt li jibqgħu jibbenefikaw mill-appoġġ u s-sens ta’ appartenenza li toffri l-komunità. 

Il-Fondazzjoni marret pass oltre biex mhux talli toffri spazju sigur u privat għal dawn in-nies, iżda toffri servizz biex il-faċilitajeit komuni jkunu ġestiti b’mod professjonali. Il-fondazzjoni qed toħloq spazji affordabbli waqt li tagħti ċ-ċans lil persuni jgħixu f’komunità, f’mudelli ta’ akomodazzjoni li jindirizza l-isfida tal-affordabbilitża u l-pjaga tas-solitudni fost faxex differenti tas-soċjetà. Il-ħtieġa għal din it-tip ta’ akkomodazzjoni tqajmet  mill-NGO Forum fi ħdan il-Fondazzjoni li hu kompost minn diversi għaqdiet li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ realtajiet soċjali. Il-Fondazzjoni laqgħet din il-proposta u bniet mudell ta’ akkomodazzjoni innovativi. 

Ta’ min jgħid li l-Fondazzjoni nediet sejħa pubblika miftuħa għal sidien ta’ proprjetajeit li huma vojta jew mhux utilizzata biżżejjed bil-għan li jingħataw użu ġdid bħala residenti ta’ co living affordabbli u ġestiti professjonalment. Skont il-potenzjal ta’ kull binja il-proprjetajiet magħżulin jistgħu jiġu rinnovati, adattai jew estiżi. 

Il-Ministru Owen Bonniċi qal li “dan il-proġett f’Ħal Kirkop juri kif nistgħu nagħtu ħajja ġdida lil binjiet storiċi u fl-istess waqt noħolqu opportunitajiet ġodda għal dawk li għandhom bżonn akkomodazzjoni affordabbli. Billi nikkonvertu kunvent f’residenza ta’ co-living, qed nagħmlu użu aħjar mill-ispazji eżistenti u noffru soluzzjoni konkreta għall-isfidi tal-akkomodazzjoni, partikolarment għaż-żgħażagħ u għal dawk li qed ifittxu aktar indipendenza. Għalina, dar mhijiex sempliċiment post fejn torqod, iżda pedament ta’ stabbiltà, dinjità u serħan il-moħħ. Għalhekk, bħala Gvern, nibqgħu impenjati li nesploraw soluzzjonijiet innovattivi li jwieġbu għall-ħtiġijiet reali tan-nies. Irridu li aktar persuni jkollhom l-opportunità jibnu ħajjithom b’serenità, mingħajr ma l-ispiża tal-akkomodazzjoni tkun ostaklu għall-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan huwa l-impenn tagħna: li nagħmlu l-akkomodazzjoni aktar aċċessibbli, filwaqt li nħarsu l-wirt tagħna u nsaħħu l-komunitajiet tagħna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Jake Azzopardi, qal li “qegħdin nintroduċu f’Malta mudell ta’ akkomodazzjoni innovattiv fejn persuna tista’ tikri spazju privat, kamra jew studjo, għaliha waqt li taqsam spazju komunali mal-komunità. 

Minbarra li jindirizza l-affordabbiltà, jindirizza wkoll is-solitudni li tolqot faxex sensittivi fis-soċjetà tagħna. Il-Co-Living joffri ċ-ċans għall-ewwel passi fil-ħajja indipendenti ta’ ammont ta’ żgħażagħ fil-komunitajiet tagħna. Irridu nagħmlu dan fi spazji li huma vakanti u sottoutilizzati biex nerġgħu nagħtu l-ħajja f’binjiet eżistenti u noħolqu soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni mingħajr ma nżidu iżjed bini waqt li nagħtu aktar ħajja liċ-ċentri tal-irħula tagħna. Konvinti li hi soluzzjoni li se taħdem soċjalment, ambjentalment u anke finanzjarjament.”

Il-Kappillan ta’ Ħal Kirkop, sostna li “din id-dar li aħna nafuha bħala l-kunvent tas-sorijiet ġiet mogħtija lill-parroċċa ta’ Ħal Kirkop żmien twil ilu u din ingħatat bil-kundizzjoni li jgħallmu d-duttrina fiha u jekk ma jibqgħux jgħallmu din terġa’ tiġi għand il-parroċċa kif fil-fatt ġara.  U allra l-għan tagħha hu li tkun ta’ ġid għal komunità. B’dan il-proġett se tkun verament ta’ ġid għall-komunità għax in-nies li se jgħixu fiha, proprju fil-qalba tal-komunità, ikunu qegħdin jirrelataw mal-komunità nfisha ta’ Ħal Kirkop.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross semma kif il-kunċett ta’ co-living mhux biss jindirizza l-problema tas-solitudni iżda jgħin biex tinbena komunità. “Filwaqt li l-koperazzjoni ssaħħaħ is- solidarjetà fil-komunità, tagħti wkoll l-opportunità lir-residenti biex waqt li jkunu residenti f’din il-binja, jippjanaw il-passi tagħhom ’il quddiem fil-perkors tal-ħajja tagħhom fejn tidħol l-akkomodazzjoni,” qal Michael Pace Ross. 

Meta titlesta r-residenza ta’ Co-Living f’Ħal Kirkop, li qed issir b’investiment ta’ €1.6 miljun, mistennija tibbenefika minnha 15-il persuna, filwaqt li se jkun hemm ukoll night shelter u klinika. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport