Il-Malta Investments & Economic Advisory (MIEA), f’isem il-Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, ħareġ sejħa għall-offerti għal “lead professional services provider” biex iħejji Master Plan komprensiv għall-possibbiltà ta’ reklamazzjoni ta’ art fil-viċinanzi tal-Ponta ta’ Bengħajsa.
L-inizjattiva se tevalwa kif art addizzjonali potenzjali tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, marittimu, industrijali u loġistiku fit-tul ta’ Malta. It-tim professjonali maħtur se jiżviluppa u jevalwa b’mod oġġettiv alternattivi differenti dwar il-firxa tar-reklamazzjoni, il-konfigurazzjoni tagħha, it-taħlit fl-użu tal-art u x-xenarji ta’ żvilupp, sabiex jipprovdi lill-Gvern b’bażi soda ta’ evidenza li minnha jkun jista’ jidentifika l-għażla jew l-għażliet preferuti.
Użi Strateġiċi Potenzjali
• Port u Kummerċ: Żona potenzjali ta’ Kummerċ Ħieles; attivitajiet ta’ kummerċ, ħażna, loġistika u distribuzzjoni.
• Industrija u Settur Marittimu: Kapaċità industrijali u tal-manifattura addizzjonali; attivitajiet b’valur miżjud; użi relatati mal-enerġija, mas-settur marittimu u mal-industrija tal-baħar.
• Valur Nazzjonali: Possibbiltà ta’ riorganizzazzjoni jew rilokazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi xierqa, filwaqt li jiġi massimizzat il-valur ekonomiku, fiskali, kummerċjali u dak tas-settur pubbliku fit-tul.
L-MIEA qed tfittex operaturi ekonomiċi kwalifikati b’mod xieraq li kapaċi jgħaqqdu flimkien kompetenza multidixxiplinarja f’dawn l-oqsma:
• master planning u reklamazzjoni tal-art
• inġinerija kostali u tal-baħar
• ippjanar tal-portijiet, settur marittimu u infrastruttura
• valutazzjoni ambjentali u reżiljenza għall-klima
• ekonomija, finanzi, investiment u kwistjonijiet regolatorji
L-istudju se jqabbel l-opportunitajiet ta’ Malta ma’ żviluppi internazzjonali rilevanti; fosthom dawk f’Rotterdam, Singapore, Hong Kong, Busan, Copenhagen u Antwerp. L-għan huwa li jiġu identifikati tagħlimiet li jistgħu jiġu adattati b’mod xieraq għall-iskala, il-ġeografija, is-sensittivitajiet ambjentali, is-suq u l-kuntest regolatorju ta’ Malta.
Is-sostenibbiltà ambjentali se tifforma parti integrali mill-paragun bejn l-għażliet. L-offerta ma tawtorizzax ir-reklamazzjoni tal-art, il-kostruzzjoni jew l-iżvilupp. Huwa eżerċizzju ta’ ppjanar u valutazzjoni strateġiku maħsub biex jistabbilixxi l-evidenza teknika, ambjentali, ekonomika u kummerċjali meħtieġa biex tinforma d-deċiżjonijiet futuri tal-Gvern. Kwalunkwe proposta futura tibqa’ soġġetta għall-proċessi ta’ approvazzjoni applikabbli ta’ ppjanar, ambjentali, regolatorju u statutorju.

