Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ħabbar kif b’investiment ta’ €5 miljun, ’il fuq minn 220 persuna ser jibbenefikaw mis-servizz tal-insulin pump. Dan hekk kif is-servizz se jiġi offrut lil pazjenti li għandhom 18-il sena u iżgħar u li għandhom id-Dijabete tat-Tip 1, kif ukoll lil pazjenti li għandhom kanċer fil-frixa u jizviluppaw Dijabete tat-Tip 3c wara operazzjonijiet relatati.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif il-kundizzjoni tad-Dijabete tat-Tip 1, hija kundizzjoni li ħafna drabi tiżviluppa fit-tfulija jew fl-adolexxenza fejn il-frixa ma tibqax tipproduċi insulina minħabba reazzjoni fjammatorja. Qal kif din il-kundizzjoni teħtieġ immaniġġar tul il-ħajja tal-pazjent u teħtieġ monitoraġġ frekwenti taz-zokkor fid-demm, l-għoti tal-insulina b’mod regolari kuljum u aġġustamenti bir-reqqa fl-istil ta’ ħajja biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw il-ħajja.
Il-ministru qal kif preżentament, f’Malta għandna madwar 220 individwu li għandhom 18-il sena jew iżgħar u li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete Tip 1. Tenna kif it-tnedija ta’ dan is-servizz jibni fuq it-tnedija b’suċċess tal-Continuous Glucose Monitors (CGM). L-insulin pump flimkien mas-CGM se jistimula l-funzjoni tal-frixa, hekk kif l-insulin pump se tamministra awtomatikament id-doża tal-insulina neċessarja, b’input minimu mill-pazjent.
Il-ministru spjega kif kull sena, madwar 25 każ ġdid jiġu dijanjostikati fi tfal u adolexxenti ta’ bejn is-sentejn u t-18-il sena. Apparti dan is-servizz li permezz tiegħu se jsir il-forniment ta’ dawn il-pompi, se tinfetaħ ukoll Klinika ddedikata li toffri kura komprensiva u multidixxiplinarja.
“Din l-inizjattiva timmarka avvanz sinifikanti fil-kura tad-dijabete u tenfasizza l-impenn tal-Gvern li jipprovdi soluzzjoni innovattiva fil-kura, li ttejjeb ir-riżultati tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti f’aktar avvanzi fil-prevenzjoni, screening u l-kura tad-dijabete. L-approċċ iċċentrat fuq il-pazjent għandu l-għan li jtejjeb il-benesseri ġenerali,” temm jgħid il-ministru.