Il-prevenzjoni tal-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal hija waħda mill-ogħla prijoritajiet biex tiġi mħarsa s-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tat-tfal. F’Malta, din il-ħidma tinvolvi kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, fosthom is-servizzi soċjali, il-pulizija, il-qrati, is-servizzi tas-saħħa, l-iskejjel, ħidma mill-Gvern u organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu favur il-protezzjoni tat-tfal.
U f’dan il-kuntest, ftit tal-jiem ilu tnieda wkoll servizz ġdid “Stop it Now! Malta” li jikkonsisti f’helpline li huwa mħaddem mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, li se jkun qed iservi t’għodda speċjalizzata li ssaħħaħ il-prevenzjoni ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal. Dan is-servizz jingħaqad mal-kullana ta’ servizzi oħra li jippromwovu approċċ proattiv għall-ħarsien tat-tfal permezz tal-edukazzjoni, l-appoġġ u l-intervent bikri.
B’differenza minn servizzi oħrajn, dan il-helpline preventiv 99059414, għandu l-għan li jilqa’ u jipprevjeni sitwazzjonijiet t’abbuż fuq minorenni. Għalissa dan il-helpline se jibda jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn id-9.00 a.m. u s-1.00 p.m.
Nemmnu li dan l-eżerċizzju huwa mezz ieħor ta’ kif il-ħaddiema soċjali qed isaħħu l-outreach tagħhom sabiex jipprevjenu kull tip t’abbuż li jista’ jkun hemm fuq minuri. Dan il-helpline se jservi wkoll ta’ gwida u sostenn għal dik il-persuna sabiex iżomm kontroll fuq l-imġiba tagħha, u huwa maħsub għal kwalunkwe persuna li għandha 18-il sena jew iktar.
Persuni li huma mħassba fuq ħsibijiet ta’ natura sesswali lejn persuni ta’ taħt l-età, li tinkludi wkoll imġiba online, jistgħu jirrikorru għal dan is-servizz filwaqt li tiġi rrispettata anke l-anonimità tagħhom.
B’dan kollu nemmnu l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-qafas legali u l-miżuri ta’ protezzjoni sabiex jiġu evitati dawn ir-reati u sabiex min jabbuża jew jisfrutta lit-tfal jitressaq quddiem il-ġustizzja. Fl-istess ħin, qed tingħata importanza kbira lill-prevenzjoni permezz ta’ kampanji ta’ għarfien, edukazzjoni fl-iskejjel u taħriġ lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal biex dawn minn ta’ età żgħira jkunu jistgħu jagħrfu sinjali ta’ abbuż u jintervjenu fil-ħin.
Parti importanti minn din il-ħidma hija s-servizz ta’ protezzjoni tat-tfal permezz ta’ entitajiet bħall-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), li tipprovdi appoġġ u protezzjoni lil tfal u familji meta jkun hemm suspett jew każ ta’ abbuż. Barra minn hekk, hemm ukoll il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, li għandu taqsimiet speċjalizzati li jinvestigaw reati kontra t-tfal, inkluż l-abbuż u l-isfruttament sesswali, anke dawn li jseħħu online.
Madankollu, il-protezzjoni tat-tfal mhijiex biss responsabbiltà tal-awtoritajiet. Il-ġenituri, l-edukaturi, il-komunità u s-soċjetà kollha għandhom rwol kruċjali biex joħolqu ambjent sigur fejn it-tfal iħossuhom protetti, ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jħossuhom komdi jitkellmu jekk iħossuhom mhedda minn xi ħadd.
Il-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal tibqa’ impenn kontinwu li jeħtieġ prevenzjoni, edukazzjoni, infurzar tal-liġi u appoġġ lill-vittmi, sabiex kull tifel u tifla f’Malta jkollhom l-opportunità jikbru f’ambjent sigur u mimli rispett.
